Lokali Qorti

Serb jinżamm arrestat wara li nqabad jimporta d-droga

Żagħżugħ ta’ 27 sena mis-Serbja nżamm arrestat wara li nqabad jimporta 14-il kilogramma tad-droga kannabis mal-wasla tiegħu f’Malta. L-akkużat kien arrestat is-Sibt fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-barrani qed jiġi akkużat b’pussess u importazzjoni tad-droga kif ukoll b’assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar tad-droga.

Ir-raġel deher fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, fejn il-Maġistrat ħareġ ordni ta’ ffriżar tal-assi tar-raġel.

Fil-Qorti ntqal kif waqt tfittixja li saret fil-bagalja tal-akkużat, nstabu mal-15 il-pakkett li fihom 14-il kilo ta’ droga suspettata ħaxixa tal-kannabis.

Fil-Qorti nstema’ ukoll li r-raġel kien se jmur f’appartament biex jagħmel kuntatt ma’ persuna oħra.

Filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Maria Francesca Spiteri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Francesco Mizzi, waqt li għall-akkużat dehru l-avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Sultana.