Il-Kunsill Studenti Universitarji iddeskriva l-aħħar skandlu tal-Gvern bħala “abbuż ta’ poter”. Dan b’referenza għall-job li ngħatat il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo, mingħajr ma kellha ebda kwalifiċi, u għalhekk insistew li ż-żewġ ministri għandhom jirriżenjaw.
Fi stqarrija maħruġa llum, il-KSU qal li dan l-iskandlu jesponi n-nuqqas ta’ accountability fost il-membri tal-Gvern. U dan ħareġ ċar wara li r-Rapport tal-Kummissarju tal-Istandards ġie adottat mill-Kumitat Parlamentari.
Il-KSU fakkar li l-Prim Ministru naqas milli jitlob li tinġarr responsabbiltà mill-Ministri tiegħu.
“Dan l-aħħar skandlu huwa biss wieħed minn sensiela li qed jesponu abbuż ta’ poter u jinnormalizzaw l-impunità.”
Il-KSU insista li Malta għandha bżonn etika fil-governanza u trasparenza mill-politiċi eletti fil-Parlament Malti. Qalu wkoll li l-pajjiż għandu bżonn leadership u prijoritajiet li jaħsbu fil-ġid komuni ta’ kulħadd, u mhux tal-ftit.
L-istqarrija tal-KSU sabet l-appoġġ tal-SDM, Studenti Attivisti, MKSA, MHSA, MIRSA, ESA, GħMU, UESA, Betapsi, GħSL, ALLT, SACES, SĦS, ICTSA u ELSA. Kienet appoġjata wkoll mir-rappreżentanti tal-istudenti Kris Bajada, Michael Spiteri, Matthew Camilleri, Thea Sultana u Marthea Grech.
//= $special ?>