L-Awtorità tal-Ippjanar irċiviet aktar minn 2,500 oġġezzjoni matul il-proċess ta’ konsultazzjoni għar-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa. Dawn l-oġġezzjonijiet jinkludu biss dawk li saru permezz ta’ formola online, b’għexieren oħra jibagħtu l-oġġezzjoni tagħhom lill-PA b’mezzi oħra.
Dan ikkonfermawh Moviment Graffitti hekk kif il-pubbliku għandu sal-lum sabiex jissottometti l-kontribut tiegħu għall-proċess ta’ konsultazzjoni.
Jidher ċar li l-Gvern beda r-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa fuq struzzjonijiet mogħtija mill-iżviluppatur Tal-Franċiż. Il-proċess ta’ reviżjoni beda wara l-laqgħa li l-iżviluppatur kellu mal-Kabinett, ikopri l-istess spazju preċiż li hu mniżżel fl-applikazzjoni għal żvilupp propost li ġiet ippreżentata minn Tal-Franċiż sentejn ilu, u l-għanijiet iddikjarati tiegħu jaqblu mal-parametri ta’ żvilupp li qegħdin jinbidlu sabiex dak li bħalissa huwa projbit isir permess.
Fl-oġġezzjoni tagħhom, in-nies innutaw in-nuqqas singolari ta’ trasparenza fejn jidħlu din ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali u l-iskop veru tagħha, peress li diġà teżisti politika speċifika għal Villa Rosa. Dawk li oġġezzjonaw iddikjaraw ukoll li lukandi għoljin m’għandhom jingħataw l-ebda trattament speċjali jekk is-sit tagħhom jolqot bini residenzjali jew siti ta’ xeni jew ambjent sensittivi. Innutaw ukoll kif m’hemmx studji jew rapporti ppubblikati li jindikaw xi nuqqas ta’ turisti f’Malta, jew li l-binjiet għolja huma l-uniċi lukandi li jistgħu jakkomodaw l-hekk imsejħa turisti ta’ kwalità għolja.
L-oġġezzjoni tgħid li huwa evidenti li l-uniku għan tal-proċess ta’ konsultazzjoni huwa li jippermetti l-bini ta’ proġett enormi ppreżentat fl-applikazzjoni PA/07254/22. Dan l-iżvilupp propost ser jikkawża trab, storbju, traffiku, u attività kummerċjali intensa fiz-zona kollha – li tinkludi eluf ta’ residenti, il-Bajja ta’ San Ġorġ, u l-wied ta’ Ħarq Ħammiem. Il-wied, il-bajja, u ħafna djar se jispiċċaw fi dlam kważi permanenti minħabba d-dellijiet ta’ tliet torrijiet li jvarjaw bejn is-27 u l-34 sular għoljin. Il-proġett se jkun ta’ theddida kbira għall-għar ta’ Ħarq Ħammiem, sit ta’ importanza ekoloġika unika.
Fid-dawl ta’ dan it-tħassib serju, min oġġezzjona talab lill-PA biex twaqqaf minnufih dan il-proċess abbużiv, li huwa mmexxi mill-interessi privati u mhux mill-ġid komuni.
//= $special ?>