Knisja Lokali

Ċelebrazzjoni djoċesana fis-Solennità ta’ Kristu Re

Ritratti: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna fiċ-ċelebrazzjoni djoċesana fis-Solennità ta’ Kristu Re, hu sabiex bi preparazzjoni għall-Ġublew Tat-Tama, li hi festa ta’ ħniena, għandna “nimpenjaw ruħna biex il-pjagi tar-ruħ tagħna minħabba l-ħażen u l-inġustizzji li soffrejna, u l-ħsara li nagħmlu lil xulxin, aħna għandna intaffuhom bil-ħniena.”

Madankollu, fakkar l-Arċisqof, il-ħniena u l-ġustizzja jimxu flimkien. “Jekk ikollna ħniena mingħajr ġustizzja, tkun ingann. Il-ġustizzja tesiġi li min seraq irodd lura; min ikkalunja lil xi ħadd, igiddeb lilu nnifsu; min għamel ħsara, jirranġaha. Għaliex dik hi l-ġustizzja, li inti, jekk għamilt xi ħaġa li mhux sewwa, mhux biss tgħid ‘aħfirli’ jew ‘skużani’ imma trodd lura. Għaliex inkella l-ħniena, tkun ħniena rħisa … Il-Mulej huwa xhud tal-verità, u dik hi l-verità li se teħlisna, li ssaffina, li tqawwina, li toħloq tessut soċjali, san u mimli tama.”

Ftit jiem qabel il-laqgħa f’Malta tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), l-Arċisqof awgura biex din “ma tkunx biss okkażjoni fejn jittieħdu r-ritratti, nitbissmu lil xulxin u kollox jibqa’ kif kien, imma nitolbu biex aħna nkunu strument ta’ paċi, bħalma konna fl-1989, strument fejn il-ġnus jiltaqgħu biex jitkellmu b’onesta u biex jaħdmu għall-paċi.”

Fil-festa tas-Sultan tal-Paċi, l-Arċisqof talab sabiex Ġesù jżur il-qalb ta’ kull wieħed minna u jippreparana għall-Ġublew tat-Tama billi naħfru lilna nfusna, lil xulxin u nilqgħu lil Alla bħala dak li jaħfrilna.

Iċ-ċelebrazzjoni saret fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.