“Gvern immexxi minn Robert Abela li qed jinjora l-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi u minflok qed iħalli l-frodi għaddejjin.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech f’diskors li kellu fil-Parlament meta kien qed jiddiskuti dwar l-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Huwa saħaq li hi tal-mistħija li l-Prim Ministru, Robert Abela ma kienx preżenti biex jisma’ dak li qed jintqal, xi ħaġa meqjusa bħala ta’ arroganza kbira.
Bernard Grech qal li dan l-Uffiċċju suppost joffri l-għola standards, il-kontabbilità mid-deputati kollha tiegħu, u li anke hu jkun kontabbli lejn il-poplu Malti u Għawdxi. Iżda, ir-realtà turi li dan il-pajjiż għandu Prim Ministru assenti, għejja, u lanqas biss għandu iktar ideat kif se jgħin lill-poplu Malti jimxi ‘l quddiem.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wieħed jista’ jara ċar kif dan il-Gvern għandu nuqqas ta’ viżjoni, bla ebda direzzjoni tant li qed ifalli għaliha. B’riżultat li dahar fuq il-barranin biex jasal għal viżjoni tal-2050. Mhux biss m’għandux direzzjoni u idea llum, iżda qed jaqbad flus il-poplu biex jagħtihom lill-barranin għal din il-viżjoni.
“Dan ifisser biss li l-imsieħba soċjali qed jiġu injorati għall-ideat li għandhom, u allura huwa Gvern Laburista li ma jismax.“
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jissielet sakemm il-poplu Malti u Għawdxi jinħeles minn dan il-Gvern mifni bi frodi. Dan meta fakkar li Robert Abela qed jagħżel li jżomm madwaru żewġ ministri li bi ħsieb serqu l-eluf ta’ ewro, permezz ta’ ksur ta’ etika, biex marru fil-but tal-mara ta’ Clayton Bartolo.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Kummissarju tal-Istandards għamilha ċara li ż-żewġ ministri, Clayton Bartolo u Clint Camilleri għamlu gwadan personali billi użaw il-fondi tal-poplu għall-interess u familjari tagħhom.
Huwa kompla jfakkar kif dan il-gawdan personali rajnih fid-deal tal-isptarijiet meta l-Qorti użat l-istess kliem bħall-Kummissarju tal-Istandards wara li twettaq frodi bi flus l-poplu Malti u Għawdxi. U b’hekk kompla jgħid li jekk ma jirriżenjawx, huwa jistenna li jkun propju l-Prim Ministru li jġiegħelhom jirriżenjaw minnufih, u jekk ma jwarrbux, jiġu mkeċċija.
“Għalik hemm liġi imma għalihom m’hemm l-ebda liġi“
Bernard Grech qal li huwa ċar li l-Prim Ministru ta’ pajjiżna mhux liberu jiddeċiedi fl-interess tal-poplu. U għalhekk dan hu “frodi biss, frodi spiss”.
“Għal darb’oħra, flok qiegħed fuq in-naħa tal-poplu, qiegħed fuq in-naħa ta’ dawk li jwettqu frodi”
Bernard Grech fakkar kif il-Gvern Laburista baqa’ jistina rasu dwar proposti favur il-poplu, fosthom biex jinġiebu lura l-€400 miljun tat-tliet sptarijiet, ma jintaxxax il-COLA, b’rabta mat-taxxa għall-ġenituri, l-anzjani tagħna jintgħataw allowance ikbar u sostanzjali, il-kwistjoni tad-drenaġġ fil-baħar… u lista li ma tispiċċa qatt. Bil-Gvern Laburista bi tmexxija ta’ Robert Abela jagħżel li jinjorahom u jitfagħhom taħt it-tapit.
//= $special ?>