“Il-Partit Laburista jinsab iddisprat wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kixef il-frodi li wettqu żewġ Ministri tal-Gvern meta taw impjieg fantażma lil mart wieħed minnhom.
U issa Jonathan Attard u Andy Ellul, iż-żewġ Membri Parlamentari Laburisti fuq il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards li adotta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, iridu jiċċensuraw lill-Partit Nazzjonalista u lill-midja u jwaqqfuhom milli jitkellmu dwar dan il-każ gravi ta’ frodi.”
Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn tkompli tgħid li kull meta jsib ruħu dahru mal-ħajt, il-Partit Laburista jipprova juża kull mezz biex jagħlaq ħalq min kixfu jew minn jikkritikah. Issa se jipprova juża lill-Ispeaker tal-Parlament biex jagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista bi Ksur ta’ Privileġġ.
Din hija prova oħra ta’ kemm il-Partit Laburista jibża’ mil-libertà tal-espressjoni u l-bżonn urġenti li tiġi miġġielda l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel.
Dan l-aġir mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika Ewropea.
Il-PN mhu se jħalli lill-ebda Prim Ministru, Ministru jew Segretarju Parlamentari jipprova jagħlaqlu ħalqu jew ħalq it-tmexxija tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem dwar il-frodi li nqabdu jwettqu Clayton Bartolo u Clint Camilleri, bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela, biex issir ġustizzja favur iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Is-serq min ħalq il-poplu mhu xejn għajr frodi. U l-fatti huma li l-Kumitat Permanenti għall-Istandards sab liż-żewġ Ministri ħatja meta adotta r-rapport.
Taħt Gvern Laburista, frodi biss, frodi spiss.
//= $special ?>