Internazzjonali

Intervista rari ma’ Angela Merkel: Tiddefendi l-politika fir-rigward tar-Russja u l-Ukrajna…Politika li qed tħalli r-riperkussjonijiet anki llum

L-eks Kanċiller tal-Ġermanja Angela Merkel – għal żmien twil meqjusa bħala ‘il-Mexxejja tal-Ewropa’ – qed tiddefendi ruħha kontra d-deċiżjonijiet politiċi li ħadet fil-passat….Deċiżjonijiet li qed jidhru li affettwaw bil-kbir is-sitwazzjoni allarmanti bejn ir-Russja u l-Ukrajna, bl-osservaturi politiċi qed jistaqsu x’seta kien l-eżitu tal-iżvilppi għall-Ewropa li kieku Merkel iddeċidiet mod ieħor.

Merkel – li ilha l-aħħar snin iżżomm profil baxx ħafna – issa tat intervista lin-network tal-aħbarijiet tal-BBC u fejn qalet li l-gwerra tar-Russja mal-Ukrajna kienet tibda qabel li kieku hi, fl-2008, ma mblukkatx l-isħubija tal-Ukreni fl-Alleanza tan-NATO.

Illum ħafna analisti huma kritiċi għall-fatt li Angela Merkel, bħala l-Kanċillier Ġermaniż u l-Kap tal-Partit CDU li mexxa lill-Ġermanja għal ħafna snin, kellha relazzjonijiet ‘sinifikattivament tajbin’ mal-President Russu, Vladimir Putin.

Intant, Merkel, waqt l-intervista lil Katya Adler tal-BBC, enfasizzat li l-ftehim għax-xiri tal-gass mingħand ir-Russja li hi konkludiet ma’ Putin kienu intenzjonati biex jgħinu lill-kumpanniji tal-Ġermaniżi u anki biex ‘tinżamm paċi mar-Russja’.

Angela Merkel mexxiet lill-Ġermanja għal 16-il sena….Sittax-il sena fejn hi, bħala Kanċillier, iffaċċjat l-akbar kriżi finanzjarja għal snin flimkien mal-kriżi tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa fl-2014. Hi kienet ukoll, effettivament, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien meta l-qawwiet Russi, fl-ewwel xhur tal-2014, kienu ħatfu lill-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u dikjarawha bħala estensjoni tar-Russja.

U llum qed jiżdiedu l-mistoqsijiet dwar it-tip ta’ politika implimentata minn Merkel…Mistoqsijiet jekk hi, bħala Kanċillier, setgħetx kienet aktar iebsa ma’ Putin u jekk, fil-fatt, setgħetx iffaċilitat l-isħubija tal-Ukrajna fin-NATO…Dan għaliex bl-Ukrajna bħala membru tan-NATO, ir-Russja setgħet ħasbitha darbtejn qabel invaditilha artha fi Frar tal-2022.

Madankollu, Angela Merkel għadha tinsisti sallum li l-għażliet u d-deċiżjonijiet li ħadet bħala Kanċillier kienu ‘adatti għal dawk iż-żmenijiet’ u l-aħjar mezz biex tinevita kriżi fuq livell Ewropew.

Hi temmen li l-gwerra li għaddejja llum fl-Ukrajna ‘kienet tkun agħar’ li kieku dan il-pajjiż sar membru tan-NATO …’Konna naraw konflitt militari sa minn ħafna qabel l-2022 għaliex kont naf li Putin ma kienx se joqgħod b’idejh fuq żaqqu waqt li l-Ukrajna kienet qed tikkonkludi l-aħħar passi ta’ sħubija fl-Alleanza tal-Punent’,’ qalet Merkel lil Katya Adler.

Fl-istess ħin, Merkel saħqet li l-Ukrajna, bħala pajjiż, ma kenitx tkun ippreparata għal gwerra bħalma kienet fl-ewwel xhur tal-2022 ….Osservazzjoni li żgur ma jaqbilx magħha l-President Ukren, Volodymyr Zelensky.

Fil-fatt, Zelensky qed jinsisti li d-deċiżjoni ta’ Merkel dwar l-isħubija potenzjali ta’ pajjiżu fin-NATO –  liema deċiżjoni kienet appoġġjata mill-eks-President Franċiż NicolasSarkozy – għandha titqies bħala ‘miskalkulazzjoni li tat kuraġġ kbir lir-Russja biex tippersisti bil-pjani għal konflitt ħafna akbar (mal-Ukrajna)’.

Inkwetata dwar ‘il-potenzjal tal-armi nukleari’

Hu wkoll sinifikanti li Angela Merkel, waqt l-intervista, esprimiet tħassib kbir dwar it-theddid kontinwu ta’ Vladimir Putin biex, ‘il quddiem, juża l-armi nukleari f’sitwazzjoni fejn, fi kliem Moska, l-integrita tar-Russja tispiċċa kompromessa.

Hi u Putin kienu saru jafu lil xulxin sew f’perjodu ta’ 20 sena u Merkel, illum, qed issostni li l-pajjiżi kollha – mhux biss il-potenzi l-kbar – iridu jagħmlu minn kollox possibbli biex id-dinja ma ġġarrabx il-konsegwenzi ta’ attakk nukleari.

‘Mgħandhiex nispiċċaw paralizzati bil-biża, iżda l-pajjiżi jridu jirrikonoxxu li r-Russja u l-Istati Uniti huma l-akbar żewġ potenzi nukleari fid-dinja u li l-potenzjal ta’ sitwazzjoni katastrofika fuq dan il-livell qatt ma kien daqstant reali’ ikkonkludiet Merkel.

L-intervista żvelat li Angela Merkel, illum, tinsab f’pożizzjoni fejn qed ikollha tiddefendi l-aġir politiku tal-passat u minkejja li hi, bħala Kanċillier, damet is-snin fost l-aktar Mexxejja u politiċi popolari fl-Ewropa.

Merkel, intant, għadha kemm ippubblikat ktieb bl-isem Freedom (1954-2021) li fost oħrajn jipprovdi riflessjoni tal-ħajja politika taggħa u t-temi politiċi li għenu jsawwru lill-Ewropa tallum,