Fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, il-Partit Nazzjonalista jieħu l-opportunità biex ifakkar lill-vittmi kollha ta’ vjolenza domestika u femiċidju f’Malta. Fosthom lil Bernice Cassar u Nicolette Ghirxi, kif ukoll tant nisa oħra li jgħixu bi sfidi kontinwi, ħafna drabi fis-silenzju, għax qed jiffaċċjaw vjolenza minn dawk li suppost iħobbuhom u jipproteġuhom. Dawn il-każi huma tfakkira ħarxa tal-bżonn urġenti li naħdmu għal bidla reali u sistemi li jaħdmu għal min huwa vulnerabbli.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ, ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali, Albert Buttigieg, u l-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN), Marie Claire Zammit qalu li dan minkejja t-titjib f’ċerti oqsma u liġijiet, is-sistemi li suppost jipproteġu lin-nisa f’pajjiżna qed ifallu ripetutament.
Dan huwa evidenti meta nqisu l-ammont kbir ta’ 2,471 każ pendenti ta’ vjolenza domestika fil-qrati, li ħafna minnhom għadhom jistennew l-ewwel seduta. Id-dewmien esaġerat mhux biss jagħmel ħsara lill-vittmi iżda jpoġġihom ukoll f’riskju ikbar li jsofru aktar abbuż u, f’xi każijiet, traġedji li jistgħu jkunu evitati.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li liġijiet fuq il-karta mhumiex biżżejjed. Dak li hu meħtieġ huwa sistema li taħdem b’mod effettiv u azzjoni immedjata biex jiġu evitati aktar traġedji. Mill-paroli issa rridu ngħaddu għall-fatti.
Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jaċċetta li f’pajjiżna jkun hemm bżonn ċelebrazzjoni bħal din biex nifhmu s-serjetà tal-problema. L-impenji ta’ kuljum iridu jkunu mmexxija minn sens ta’ għaqal u urġenza biex jiġu mħarsa n-nisa kollha, mhux biss bi kliem sabiħ iżda b’azzjonijiet konkreti u prattiċi li jiżguraw protezzjoni u prevenzjoni.
F’dan il-jum, il-PN iwiegħed l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem għal sistema ġusta u effiċjenti li tgħin lil dawk kollha li jinsabu fil-periklu. Għandna bżonn sistema li tħares b’mod immedjat u effettiv lil min jirrapporta vjolenza, u li tagħti lill-vittmi mhux biss tama imma wkoll soluzzjonijiet reali u ħarsien immedjat.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li mingħajr azzjoni konkreta, m’hemmx bidla vera. Għaldaqstant aħna impenjati li flimkien nibnu soċjetà fejn kull mara tkun ħielsa mill-biża’ u fejn il-vuċi tagħha tinstema’ u tingħata widen.
//= $special ?>