L-awtoritajiet fir-Renju Unit qed jibqgħu joħorġu t-twissijiet biex wieħed joqgħod attent hekk kif il-maltempata Bert għadha m’għaddietx u mhix se tkun ħanina f’dawn il-jiem li ġejjin.
In-Nofsinhar ta’ Wales, fejn ġie ddikjarat inċident kbir minn kunsill wieħed, ra aktar minn 100mm ta’ xita f’xi postijiet, filwaqt li żewġ zoni fix-Xlokk tal-pajjiż jinsabu taħt twissijiet ta’ għargħar qawwi, b’riskju għal ħajjet ir-residenti.
L-agħar tal-maltempata qed timxi lejn il-Lvant tal-Ingilterra. Madwar ir-Renju Unit inħarġu iktar minn 100 twissija ta’ għargħar li issa daħlu fis-seħħ.
Il-Pulizija ta’ Wales qalet li l-Ħadd waranofsinhar instab katavru minn uffiċjali li kienu qed ifittxu għal raġel nieqes waqt il-maltemp tas-Sibt fiz-zona tax-xmara Conwy. L-identifikazzjoni tal-katavru għadha mhix konfermata għalkemm il-familja ta’ Brian Perry ta’ 75 sena, ir-raġel irrapurtat nieqes, ġiet infurmata.
F’Londra, il-parks irjali kollha, inkluż Hyde Park u Winter Wonderland, ġew magħluqa nhar il-Ġimgħa minħabba riħ qawwi li beda jaħkem.
//= $special ?>