Internazzjonali

L-elezzjonijiet fir-Rumanija: Sorpriża minn estremista…disfatta għall-Prim Ministru Ciolacu

Calin Georgescu, il-kandidat estremista tal-lemin u sostenitur tar-Russja, spiċċa bħala l-kandidat bl-akbar appoġġ waqt l-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza tar-Rumanija. Georgescu, ultranazzjonalista magħruf, kiseb 23 fil-mija tal-vot, segwit minn Elena Lasconi, tal-Unjoni għas-Salvazzjoni tar-Rumanija u l-Prim Ministru populista Marcel Ciolacu tal-Partit Soċjal Demokratiku.

Ir-riżultat hu wieħed xokkanti għal Ciolacu li sa ftit sigħat qabel ir-riżultat kien il-favorit li jirbaħ il-Presidenza. Intant, ħarġet issa l-aħbar li hu deċieda biex jirriżenja minn Kap tas-Soċjal Demokratiċi Rumeni.

Skont l-aħħar ‘count’ tal-voti, Elena Lasconi kellha vantaġġ ta’ 2,000 vot fuq Ciolacu u għandha tiffaċċja hi lil Georgescu waqt il-votazzjoni deċiżiva għall-Presidenza Rumena li ssir fit-8 ta’ Diċembru.

Hu wkoll sorprendenti li Georgescu kellu jmur daqstant tajjeb fil-votazzjoni tal-Ħadd peress li hu mgħandux partit – u fejn għażel biex, fil-parti kbira, imexxi l-kampanja elettorali tiegħu permezz tat-media soċjali TikTok.