Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Lejn l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida

Din il-ġimgħa se jkun qed jittieħed il-vot biex tiġi approvata l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, hekk kif se jkun qed jingħata bidu għal ċiklu leġiżlattiv ġdid.

B’sens ta’ kompromess, il-grupp politiku tal-EPP qabel li din il-Kummissjoni għandha tiġi approvata bil-Kummissarji kollha, hekk kif issa se jittieħed il-vot fuq il-Kummissjoni kollha – u mhux fuq Kummissarji individwali.

Dan ifisser ukoll li l-Kummissarju Ewopew nominat minn Malta, Glenn Micallef, mistenni wkoll jiġi approvat.

Dan kollu ntqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet organizzata mill-Membru Parlamentati Ewropew tal-PN Peter Agius – konferenza li saret bħala inizjattiva biex ikun dejjem viċin il-midja u l-ġurnalisti.

Peter Agius spjega kif matul il-ġimgħa se jsir dibattitu u riżoluzzjoni dwar il-Palestina u Iżrael, u anke dwar l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li qed tgħin lill-Palestinjani. Dan huwa dibattitu li kien xprunat mill-EPP. Hawn, l-MEP Malti fakkar li dejjem kien favur li l-Palestina jkollha l-istatus ta’ Stat.

Din il-ġimgħa fi Strasburgu, se jsir ukoll dibattitu dwar l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna hekk kif hemm sens kbir ta’ allarm dwar il-possibbiltà li l-Korea ta’ Fuq qed tissuplixxi lir-Russja bl-armamenti. Bl-MEP tal-PN jinsisti li d-delagazzjoni Maltija fl-EPP dejjem saħqet li Malta hija newtrali.

Vot ieħor li se jkun qed jittieħed huwa dwar jekk għandhomx jiġu approvati prodotti li fihom l-GMOs fosthom il-qalmħirun u l-qotton, hekk kif hemm min qed jargumenta li dawn huma ta’ periklu għall-agrikoltura.

F’din il-ġimgħa impenjattiva se jkun qed jittieħed vot ukoll dwar it-tipjip, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tgħid li t-tipjip barra qed jagħmel ħafna ħsara lil min ikun qed jakkumpanja lil xi ħadd li jpejjep. U għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi biex il-pajjizi jipprojbixxu t-tipjip fuq barra wkoll.

L-Ewropa trid Tobacco Free Generation u dan jinkludi wkoll il-vaping. F’dan ir-rigward, l-MEP tal-PN qal li se jkun qed jitkellem maċ-ċittadini Maltin u Għawdxin sabiex ikun jista’ jressaq il-ħsibijiet ta’ pajjiżna fl-Ewropa.