Internazzjonali

Libanu: Il-Ħeżbollah jiftaħ burraxka ta’ missili fuq Iżrael — b’uħud jinżlu ftit ‘il barra minn Tel Aviv

Il-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah, fl-aħħar sigħat, fetħu l-akbar burraxka ta’ missili għal fuq Iżrael mindu, f’Settembru, intensifika l-konflitt bejn il-milizji alleati mal-Iran u l-qawwiet Iżraeljani li, fil-preżent, qegħdin jokkupaw xi bnadi fil-Libanu.

ll-militar Iżraeljan qal li talanqas 250 missila kienu sparati mil-Libanu lejn l-ibliet ta’ pajjiżu man-naħa l-oħra tal-fruntiera — u fejn l-awtoritajiet lokali għadhom qed jikkalkulaw l-impatt tal-attakk.

Skont ir-rapporti, numru ta’ ċivili Iżraeljani spiċċaw midruba b’riżultat tal-bumbardament — bil-missili tal-Ħeżbollah jolqtu bnumru ta’ bini fl-inħawi taċ-ċentru u t-tramuntana ta’ Iżrael. Kien hemm anki xi bini li ġarrbu l-ħsarat fil-limiti tal-belt prinċipali ta’ Tel Aviv.

Jidher li l-attakk kbir bil-missili twettaq b’ritaljazzjoni għall-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq Bejrut, il-kapitali tal-Libanu.

Il-Ministeru tas-Saħħa Lebaniż qal li r-rejds tal-ajru swew il-ħajja ta’ aktar minn 30, b’għexieren oħra jindarbu, Dan waqt li Iżrael sostna li l-ajruplani tiegħu rnexxielhom jeliminaw xi ċentri tal-kmand tal-Ħeżbollah u fost rapporti li setgħu nqatlu aktar kapijiet tal-ġellieda Xiti.

Intant, ma kienx hemm xi żviluppi konkreti wara li l-media Iżraeljana, nhar il-Ħadd, irrappurtat li Iżrael u l-Libanu kienu viċin ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-Ħeżbollah.

Fl-istess ħin, mistenni li l-Ħeżbollah se jiftħu dalwaqt baraxx ieħor ta’ rokits u missili għal fuq bnadi oħra ta’ Iżrael ….Sitwazzjoni li qed turi li l-Ħeżbollah għad għandu l-kapaċitajiet biex imexxi gwerra kontra Iżrael minkejja li l-Iżraeljani, fl-aħħar ġimgħat, irnexxielhom jeliminaw lil diversi mexxejja tal-grupp waqt azzjonijiet speċifiċi.

Intant, il-missili sparati mill-Ħeżbollah ħallew in-nirien qalb iz-zoni residenzjali – bir-rokits jinżlu fl-inħawi ta’ Petah Tikva, viċin Tel Aviv, u anki qalb iz-zoni ta’ Haifa, Nahariya u Kfar Blum.

Mifhum ukoll li l-Ħeżbollah immiraw ħafna mill-missili lejn is-siti militari f’Tel Aviv u l-madwar – bil-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, jattakkaw 12-il ċentru ta’ kmand f’Dahieh; subborg ta’ Bejrut magħruf  ukoll bħala fortizza tal-milizji Xiti.