Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello rrikkonoxxiet il-fatt li raġel ta’ 40 sena, bil-vizzju tad-droga qed jindirizza l-problema tiegħu u minflok piena ta’ ħabs poġġietu taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin biex jegħleb il-vizzju.
David Scicluna minn Marsaskala nstab ħati li seraq cables tal-metall mill-Floriana għad-dannu tal-kumpanija GO. Huwa nstab ħati ta’ li għamel ħsara fi propjetà ta’ ħaddieħor u naqas milli josserva kundizzjonijiet tal-Qorti ta’ serq aggravat, ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi u attentat ta’ serq.
Il-Qorti semgħet li r-reat seħħ flimkien ma’ żewġ persuni oħra. Il-Pulizija qalet li rċeviet rapport mill-kumpanija GO li tqaċċtu cables tal-fibre optic u tar-ramm. Dan wassal biex nofs il-Belt Valletta u partijiet mill-Floriana kienu spiċċaw mingħajr is-servizz tal-internet.
Ġie spjegat li meta l-pulizija marret fl-inħawi tal-Ġnien tal-Argotti għall-ħabta tal-4am raw persuna, li aktar tard ġiet identifikata bħala Scicluna, tirrombla u ġġorr xi cables f’waħda mill-mini li tgħaddi taħt il-Ġnien.
X’ħin lemaħ lill-pulizija l-akkużat daħal ’il ġewwa u nstab jistaħba wara xibka u ħdejh kien hemm il-cables imrebblin u mdawrin bit-tape lesti biex jittieħdu. Mal-passaġġ nstabu aktar cables. Fuqu nstabu wkoll xi għodda li ntużat waqt ir-reat. Il-cable nstab irromblat u kien twil 100 metru u meta l-kumpanija bidlitu nefqet ftit aktar minn €4,500.
Raġel ieħor li kien kompliċi f’din is-serqa qal li kien l-akkużat li kien qallu li hemm xi cables tar-ram u kien mar miegħu u ma’ raġel ieħor barrani biex jaqtgħu l-cables biex ibigħhom. Mill-analiżi tagħha, il-Qorti qalet li l-fatt li nqabad b’xi għodda, li qata’ l-cables u rromblahom juri t-tir li jisraqhom.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ż-żewġ persuni kompliċi qalu li l-għan kien li jisirquhom u jbigħhom. Qalet li kollox sfaxxa għax laħqu waslu l-Pulizija. Hija skartat l-argument li ma kienx hemm prova li l-imputat kien qed jgħabbi l-cables fil-vettura.
Il-Maġistrat Montebello fis-sentenza tagħha tagħat piż dwar kif ir-raġel kellu l-vizzju tad-droga u li dan l-aħħar kien qed jindirizzah. Qalet ukoll li tħoss li m’għandhiex ittellfu mill-progress li jidher li qed jagħmel u qalet li temmen li bi ftit iktar sforz u impenn jista’ jinħeles mill-passat tad-droga u jagħlaq dan il-kapitlu twil u sfortunat fil-ħajja tiegħu darba għal dejjem.
Il-Qorti qalet li se tagħtih l-aħħar opportunità u poġġietu taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Ordnatlu wkoll iħallas is-somma ta’ €2,155 lill-kumpanija GO.
//= $special ?>