Internazzjonali

Russja-Ukrajna: Mewġa ta’ missili u drones min-naħa tal-fruntiera għall-oħra

Il-qawwiet tar-Russja u l-Ukrajna sparaw numru ta’ missili u drones lejn l-artijiet ta’ xulxin wara l-aħħar kummenti aggressivi miż-żewġ naħat….Perjodu li fih, ir-Russi sparaw missila ballistika ġdida – tat-tip Oreshnik — fuq l-Ukrajna bħala prova, u bl-iżvilupp ikompli jżid il-biża ‘ dwar eskalazzjoni tal-konflitt.

Il-qawwiet Russi, mil-lejl tal-Ħadd sallum, sparaw il-mijiet tal-missili lejn almenu nofs ir-reġjuni tal-Ukrajna u fejn indarbu l-għexieren tan-nies.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qal, intant, li l-qawwiet tiegħu se jkomplu jimmiraw għas-siti li huma ta’ importanza partikulari għall-militar tal-Kremlin u bħala strateġija li ‘ħadmet’ tul l-aħħar sentejn u nofs tal-konflitt.

Fil-fatt, il-militar Ukren qal, issa, li l-missili tiegħu laqtu depot taż-żejt kruċjali għar-Russi u li jinsab lejn in-nofsinar ta’ Moska.

Kienu wkoll ‘effettivi’ l-missili u d-drones li l-Ukreni sparaw lejn ir-reġjuni Russi  ta’ Bryansk u Kursk man-naħa l-oħra tal-fruntiera – bit-truppi tal-Ukrajna għadhom qed jokkupaw xi nħawi ta’ Kursk fost il-kontra-attakki tal-militar Russu li qed jipprova jieħu lura l-kontroll fl-inħawi.

Sadanittant, il-Gvernatur ta’ Kharkiv, Oleh Synehubov, qal li aktar minn 20 indarbu mill-missili tar-Russi li niżlu f’din il-belt Ukrena…Belt fejn, fl-aħħar sigħat, kienu għaddejjin l-impenji ta’ salvataġġ għar-residenti li spiċċaw f’sitwazzjonijiet perikolużi.

Fl-istess ħin, residenti oħrajn fl-Ukrajna wkoll qed iġarrbu l-qilla tal-Magna tal-Gwerra tal-Kremlin, bid-dipartiment għall-emerġenzi f’Odesa jsostni li ndarbu talanqas għaxra mill-impatt ta’mssila li wettqet il-ħsarat f’numru ta’ bini u skejjel minbarra li qerdet anki parti mill-kumpless sportiv ta’ università.

Dan waqt li kienu anki rappurtati l-midruba fost l-aħħar attakki tar-Russi fuq ir-reġjuni Ukreni ta’ Kherson, Zaporizhzhya u Chernihiv.