Waqt konferenza li ġiet organizzata biex jitfakkar il-Jum Dinji għal Kontra l-Vjolenza Domestika, intefa’ dawl fuq il-kriżi li jinsab fiha dan is-settur – kriżi li qed tkompli tikber minħabba l-kawżi pendenti li hemm fil-Qorti.
L-appell waqt din il-konferenza kien sabiex imqar kull ġimgħa, il-Maġistrati jkollhom każ ta’ din ix-xorta ħalli jonqos il-backlog enormi li hemm; kwistjoni li qed tolqot fil-qalba tal-familji.
Bħalissa, lanqas hemm żewġ Maġistrati li huma assenjati b’mod esklussiv dwar każi ta’ vjolenza domestika. Il-vittmi jkollhom jistennew xhur – jekk mhux snin.
Intant, meta indirizzat din il-konferenza, il-mara tal-Kap tal-PN, AnneMarie Grech, saħqet li vjolenza domestika tħalli marka fuq il-vittmi, it-tfal u anke s-soċjetà in ġenerali.
Hi tkellmet dwar il-biża’, it-trawma u s-solitudni li jħallu sitwazzjonijiet bħal dawn.
U meta l-vittmi jkollhom kuraġġ biex jitkellmu, hemm bżonn li jkun hemm min jifhimhom. Dan apparti l-ħtieġa tal-prevenzjoni.
Fuq kollox, AnnMarie Grech insistiet li hemm bżonn ta’ strateġija nazzjonali biex ikun hemm iżjed għarfien fis-soċjetà kollha; fejn isiru diskussjonijiet regolari dwar l-effetti tal-vjolenza domestika.
Ix-Shadow Minister Albert Buttigieg, minn naħa tiegħu tenna li t-tfal huma vittmi f’dawn is-sitwazzjonijiet, għaliex huma esposti għall-vjolenza. Għalhekk, jeħtieġ li jingħataw appoġġ psikoloġiku.
Hu qal li hemm bżonn li jkun hemm il-kuraġġ biex il-liġijiet ikunu iktar infurzati.
Din il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-President Myriam Spiteri Debono li fakkret kif l-abbuż jista’ jieħu diversi forom, u jħalli impatt għal żmien twil.
Il-President qalet li s-sitwazzjoni hija inkwetanti meta tikkunsidra li ħafna każijiet ma jiġux rapportati, filwaqt li hemm vittmi li jitolbu biex iwaqqgħu ir-rapporti li jkunu għamlu.
//= $special ?>