Lokali Qorti

Wiegħdu €150,000 biex joħroġ id-droga mill-Port Ħieles

Fil-Qorti l-Ispettur Mark Mercieca qal li Roderick Camilleri qal li kien Kurt Scicluna li qabbdu joħrog id-droga mill-Port Ħieles u dan wara li wiegħdu s-somma ta’ €150,000. Ħareġ ukoll li bejn Scicluna u Camilleri saru diversi telefonati, kemm dakinhar tas-sejba kif ukoll fil-jiem ta’ qabel.

Instabu wkoll messaġġi bejn iż-żewġt irġiel, b’Camilleri jgħid lil Scicluna li rnexxielu jiġborlu tliet xkejjer mill-container u talbu indirizz fejn se jwassallu d-droga. Dan ħareġ fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, li bdiet tisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Kurt Scicluna ta’ 31 sena miż-Żejtun, mixli bi traffikar ta’ droga, ħasil ta’ flus u li kien parti minn ċirku ta’ kriminalità b’rabta mal-qabda ta’ 146 kilogramma droga kokaina li ddaħħlet mill-Port Ħieles.

It-Tnejn filgħodu wkoll quddiem Qorti oħra, irriżulta kif sewwieq u passiġġier baqgħu bla tweġiba meta mistoqsijin dwar tliet xkejjer li nstabu waqt tfittxija li saret fuq it-trakk tagħhom hekk kif ħarġu mill-Port Ħieles. Darren Dimech ta’ 46 sena mill-Fgura u Roderick Camilleri ta’ 44 sena minn Birżebbuġa, qed jiġu akkużati bi traffikar u importazzjoni tad-droga wara qabda ta’ 146kg ta’ droga fil-Port Ħieles ta’ Malta, bil-proċeduri kriminali ikomplu. Dan b’rabta mal-każ ta’ Kurt Scicluna.

Jirriżulta li l-ħbiberija bejn Dimech u Camilleri bdiet f’ħanut tat-te għaliex mal-Pulizija Roderick Camilleri qal li wara x-xogħol kien iħobb imur jieħu ftit te fil-ħanut u hemm iltaqa’ ma’ Scicluna, fejn talbu jibda joħroġlu xi merkanzija illegali minn ġewwa l-Port Ħieles. Qal li darba minnhom Scicluna qallu biex jiġborlu aktar merkanzija u li għal dan it-traġit kien ser itih €150,000.

Il-burdnar qal li tlett ijiem qabel is-sejba, Kurt Scicluna qallu li d-droga kienet wasslet u jeħtieġ jiġborha minn container fil-Port Ħieles. Qallu wkoll biex jigbed filmat waqt li jiftaħ il-container. Mal-Pulizija, Camilleri identifika lil Scicluna bħala l-unika persuna li tah struzzjonijiet dwar il-ħruġ tad-droga mill-Port Ħieles.

Meta Kurt Scicluna kien interrogat, fil-preżenza tal-avukati tiegħu Michael Sciriha u Roberto Spiteri, għażel li ma jirrispondix għad-domandi tal-Pulizija. Mir-residenza tiegħu, il-Pulizija ssekwestrat ammont sostanzjali ta’ flus kontanti, karozzi lussużi, ġojjellerija kif ukoll mobile mkisser.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi flimkien mal-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Skont il-Pulizija, il-kokaina interċettata għandha valur fit-triq ta’ €20 miljun.

Tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfont tal-ewwel żewġ persuni li tressqu l-Qorti

L-ewwel xhud kien l-uffiċjal tal-Pulizija Johann Xuereb. Qal li meta fit-12 ta’ Novembru 2024, hu u l-Ispettur Mizzi waslu fil-Port Ħieles, fuq il-post diġà kien hemm uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll żewġ persuni arrestati, jiġifieri l-akkużat, li, ġie nnutat, kienu talbu l-assistenza medika.

Huwa fakkar ukoll kif hu u l-Ispettur Mizzi żammew għajnejhom fuq it-trakk tad-DAF sabiex jipprevjenu kull dħul mhux awtorizzat fil-vettura. Xedet ukoll uffiċjal tal-iskwadra tad-droga, Yana Caruana, li informat lill-Qorti li persuna li kienet intlemħet tieħu ritratti tal-operazzjoni ġiet arrestata. Irriżulta wkoll li dawn ir-ritratti kienu tqassmu wkoll elettronikament.

Matul il-proċedimenti, kien żvelat ukoll li t-tfittxijiet fuq il-persuna ta’ Camilleri rriżultaw fit-teħid ta’ ċwievet ta’ container, kif ukoll pass tal-Freeport u kartiera. Xehdu wkoll żewġ kontrolluri tas-sigurtà tal-Freeport. David Fabri informa lill-Qorti li ngħataw ordnijiet biex isiru tfittxijiet u kontrolli każwali fuq trakkijiet fit-tielet karreġġjata tal-Port Ħieles.

Xehed li meta saret tfittxija fuq trakk aħdar, ġew identifikati tliet xkejjer. Meta mistoqsijin x’kienu dawn l-ixkejjer, ix-xufier u l-passiġġier identifikati miż-żewġ staff tas-sigurtà bħala l-akkużati, ma weġbux. Kien f’dan il-mument li l-istaff infurmaw lill-kap tagħhom dwar l-ixkejjer u talbu l-għajnuna tiegħu.

Filwaqt li Fabri qal lill-Qorti li ‘mill-ewwel għajnu għorkitu’ fuq l-ixkejjer, huwa kkonferma wkoll, meta kontroeżaminat, li ma setax jikkonferma l-kontenut proprju ġewwa l-ixkejjer. Xehed ukoll uffiċjal mill-kumpanija tat-trasport li timpjega liż-żewġ akkużati. Il-Qorti ordnat li l-isem tal-kumpanija ma jiġix irrappurtat.

L-investigaturi jemmnu li ż-żewġt irġiel huma parti minn konfoffa kriminali usa’ involuta fit-traffikar tal-kokaina mill-Ekwador għal Malta. Il-qabda tad-droga kien sinifikanti għaliex b’differenza għal interċettazzjonijiet simili fil-passat, il-kokaina f’dan il-każ kienet maħsuba għas-suq Malti.

B’rabta mal-istess każ ġie mixli wkoll it-tielet raġel, Kurt Scicluna, li għandu negozju tal-karozzi f’Ħal Għaxaq. Huwa għaddej minn proċeduri separati. Jirrappreżentaw lil Camilleri l-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia, filwaqt li Dimech kien rappreżentat mill-Avukati Franco Debono u George Anton Buttiġieġ.

L-Avukat Maria Francesca Spiteri rrappreżentat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard, u Francesco Mizzi qegħdin imexxu l-prosekuzzjoni.