L-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet aktar minn 4,000 sottomissjoni favur l-għanijiet imsemmija fil-proċess ta’ konsultazzjoni għar-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa.
Huwa ta’ sorpiża u diżappuntanti il-fatt li Moviment Graffitti attakkaw dan il-proċess b’allegazzjonijiet foloz, meta kellhom l-opportunità li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ spazju pubbliku miftuħ, il-protezzjoni tal-ambjent u żoni storiċi, kif ukoll limitazzjonijiet fuq l-għoli u l-volum tal-bini.
Minkejja dawn l-għanijiet ċari, Moviment Graffitti qed jagħtu l-impressjoni li dan il-proġett se jeqred il-Villa Rosa, filwaqt li jsir xi tip ta’ bini fil-wied u jħalli impatt negattiv fuq l-għar li jinsab fil-viċin. Dan kollu huwa falz. Fil-fatt, l-għanijiet jagħtu prijorità li kull parti ambjentali u storika tas-sit tiġi protetta.
Huwa wkoll falz li jingħad li dan il-proċess huwa intiż biex japprova l-applikazzjoni proposta fl-2022. Dawn il-pjanti u vizwali se jiġu riveduti skond ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Pjan Lokali.
Fortunatament, il-pubbliku għaraf il-kampanja qarrieqa ta’ Moviment Graffitti u b’mod qawwi appoġġja l-għanijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-fatt li Moviment Graffitti qed isagrifikaw il-kredibilità tagħhom stess biex ixerdu informazzjoni falza dwar dan il-proċess iqajjem mistoqsijiet dwar f’liema interessi qed jaħdmu – żgur mhux fl-interess tal-ambjent jew tar-residenti.
Bħala s-sidien tas-sit ta’ Villa Rosa, nirringrazzjaw lil kulħadd li pparteċipa f’din l-ewwel fażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni.
Aħna nibqgħu impenjati li nibnu proġett turistiku ta’ kwalità għolja għal dan is-sit. Il-ħtieġa għal turiżmu ta’ kwalità għolja kienet enfasizzata f’kull dokument strateġiku dwar it-turiżmu f’Malta għal għexieren ta’ snin.
It-turiżmu ta’ kwalità għolja jiġi attirat permezz tal-introduzzjoni ta’ spazji pubbliċi miftuħa, il-ħarsien tal-Villa Rosa storika u l-ġonna tagħha, kif ukoll l-attirar ta’ ditti ta’ fama internazzjonali li jistgħu joffru servizz lill-klijenti tal-ogħla livell u joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja.
//= $special ?>