Id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li l-ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri wettqu frodi fil-każ tal-konsulenza fantażma lill-mara tal-istess Ministru Clayton Bratolo mhijiex każ ta’ ksur ta’ privileġġ dwar dak li seħħ fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards u għalhekk il-kumment kien politikament ġustifikat.
Dan kien deċiż mill-Ispeaker Anġlu Farrugia f’ruling li ta llum fil-parlament fejn irrifera għal dak li qalu l-Ministru Johnaton Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul f’ittra lill-Ispeaker u li fiha għamlu riferenza għall-istqarrija tal-PN dwar l-adozzjoni tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fl-istqarrija l-PN kien qal li l-kumitat parlamentari kien sab lill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħatja li wettqu frodi meta l-mara ta’ Clayton Bartolo ingħatat konsulenza ta’ €68,000 għal xogħol li ma wettqitx. Id-deputati Laburisti kienu oġġezzjonaw għal din id-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għaliex sostnew li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards qatt ma semma’ l-frodi jew sab lill-ministru Laburisti Camilleri u Bartolo ħatja dwar dan il-każ.
L-Ispeaker għamel riferenza għar-rapport tal-aħbarijiet ta’ NET News dwar il-laqgħa tal-kumitat parlamentari u qal li dan ir-rapport m’għamilx riferenza għall-frodi. Hu qal li NET News qatt ma qal li l-Kumitat kien sab lil Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħatja ta’ frodi u spjega li l-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieħed politiku.
L-Ispeaker kkonkluda li dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni hu kritika politika u għalhekk mhuwiex każ ta’ ksur ta’ privileġġ.