Harold Mamo ta’ 56 sena residenti Ħamrun, li jinsab akkużat bi frodi u falsifikazzjoni ta’ kuntratti tal-kiri ta’ proprjetà lil nies minn pajjiżi terzi, qal fil-Qorti li r-raġuni li numru kbir ta’ persuni rreġistrati f’waħda mill-proprjetajiet tiegħu lill-persuni minn pajjiżi terzi, hi li ma jafx jaqra jew jikteb u li lanqas ma jaf juża l-kompjuter.
Huwa ġie investigat mal-allegat racket tal-karti tal-identità fejn ħareġ mal-1,500 fi ħruġ ta’ dokumenti residenzjali frawdolenti. Huwa qed jiġi mixli li wettaq dawn ir-reati fid-19 ta’ Awwissu li għadda u fix-xhur u s-snin ta’ qabel, u b’kollox qed jiġi mixli bi 13-il akkuża.
Dan irriżulta quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-għalliem li l-ġimgħa l-oħra ġie mixli b’numru ta’ reati. L-akkużat, li huwa għalliem, qal li d-dħul kollu tiegħu kien ġej minn lezzjonijiet tal-privat u kirjiet iġġenerati minn diversi proprjetajiet li kellu.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni bdiet f’Awwissu, wara post li ttellgħet fuq Facebook u wara li nstabu kaxxi tal-ittri mwaħħlin ma’ xi djar. Irriżulta li fil-kaxxi nstabu għadd ta’ dokumenti mill-Aġenzija Identità indirizzati lil persuni ta’ pajjiżi terzi li suppost kienu jabitaw f’dak il-post.
L-Aġenzija Identità skopriet b’diversi proprjetajiet fosthom f’Tas-Sliema u fis-Siġġiewi fejn kienu rreġistrati ħafna persuni minn pajjiżi terzi. Minn naħa tiegħu, xhud ieħor fil-Qorti, Anthony Attard ,qal li l-Pulizija kienet xlietu b’involviment tiegħu b’rabta ma’ dan il-każ fejn ammetta li kien Mamo li qabbdu jagħmel xi xogħol fuq xi kaxxi tal-posta, f’numru ta’ proprjetajiet fl-Imsida u postijiet oħra kif ukoll li jirreġistra persuni minn pajjiżi terzi fuq ir-residenza tal-ġenturi tiegħu fis-Siġġiewi.
Attard kien ingħata sentenza sospiża wara li ammetta mill-ewwel l-involviment tiegħu fil-każ. Ħareġ ukoll li wieħed mill-20 persuna, mill-Pakistan, qal li aġenzija tal-kiri ta’ proprjetà li sab fuq Facebook wasslitu għal Harold Mamo.
L-aġenzija tal-kiri kienet ukoll akkużata u ngħatat terminu ta’ probation. Mal-Pulzija r-raġel mill-Pakistan qal ukoll li ma riedx residenza iżda sempliċiment indirizz. Il-persuni l-oħra minn pajjiżi terzi qalu li kienu għamlu kuntratt ta’ kiri ma’ Mamo, li minn naħa tiegħu wegħidhom spazju b’sodda, iżda spiċċaw ma ngħataw xejn.
Huma identifikaw lil Mamo bħalu l-persuna li allegatament ħejja l-kuntratti u qalu li tkellmu miegħu f’ħanut tax-xagħar fi Gwardamanġa minn fejn kien allegatament qed jopera l-akkużat. Minn tfittxijiet li saru fl-istess ħanut, il-Pulizija sabet madwar €9,000 fi flus kontanti flimkien ma’ numru sostanzjali ta’ notifiki mibgħuta mill-Aġenzija Identità lil persuni minn pajjiżi terzi.
Xhud ieħor kien Spettur mill-FCID, fejn qal li bejn l-2019 u l-2023, Mamo kien iddikjara għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’kirjiet li rċieva fuq il-proprjetajiet tiegħu. Irriżulta li s-sena l-oħra biss, kien hemm 540 kuntratt tal-kiri kollha rreġistrati mal-Awtorità tad-Djar għal tul ta’ żmien, b’xi wħud ukoll kirjiet qosra.
Mal-Pulizija tal-FCID, Mamo qal li jgħix waħdu u jgħix ħajja normali bi dħul mill-miżati tat-tagħlim u l-kirjiet privati. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li meta l-avukat ta’ Mamo ħareġ mill-kamra tal-interrogazzjoni tal-FCID, l-akkużat staqsa lill-Pulizija dwar kemm jista’ jkun l-ammont tal-multa fuq każ bħal dan u jekk jistax jingħata multa f’każ li jammetti.
Huwa qalilhom ukoll li ħafna persuni għamlu agħar minn dak li għamel hu. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti qalet li se tagħti deċiżjoni dwar din it-talba la darba l-prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda pajżana kollha, inkluż il-persuni minn pajjiżi terzi li allegatment kienu f’kuntatt ma’ Mamo.
Meta tressqet iI-prosekuzzjoni, semmiet ukoll kif waslu għal dan kollu fejn tkellmet dwar il-fatt li mara anzjana kienet iddaħħlet f’Dar tal-Anzjani f’Awwissu li għadda u mad-dar tagħha fl-Imsida qatt ma kellha mwaħħla letter box. Xi ħadd mhux magħruf kien mar waħħal letter box (ritratt) mal-faċċata tagħha.
Membri tal-familja kienu skoprew xi dokumenti relatati ma’ residence permits, li jfissru moviment ħieles (freedom of movement) lil persuni Indjani kontra l-liġi. Il-Pulizija bdiet tinvestiga wara li posts fuq il-midja soċjali wrew kaxxa tal-posta falza li qed tiġi installata fuq faċċata ta’ dar.
Sid il-proprjetà vojta tal-Imsida skopriet il-kaxxa tal-posta falza meta marret tiċċekkja fil-proprjetà vojta, li kienet tgħix fiha ommha. Ftit jiem wara, il-mara nnotat li fil-kaxxa tal-posta bdew jidhru ittri mill-aġenzija tal-identità tal-gvern ‘Identità’.
L-ittri kien fihom ħatriet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jieħdu dokumenti marbuta mal-applikazzjonijiet ta’ residenza tagħhom, qal l-Ispettur. Il-Pulizija sabet li diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu rreġistrati bħala li jgħixu fid-dar. Il-mara kkonfermat li ma kienet tikri l-proprjetà lil ħadd.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Andrea Zammit u Manuel Grech f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Tonjoe Farrugia u Karl Roberts waqt li Mamo qed ikun assistit mill-Avukati Josè Herrera, Anita Giordmaina u Martina Herrera.
//= $special ?>