Lokali

Il-GWU u l-UĦM jordnaw strajk għall-membri tagħhom fil-Qorti

Il-General Workers’ Union, it-Tlieta, ordnat azzjonijiet industrijali lill-ħaddiema membri tagħha fl-aġenzija tal-Qorti. Dawn jinkludu fost oħrajn il-messaġġiera u x-xufiera u l-kwistjoni hija ċċentrata fuq ir-recognition għalkemm il-ħaddiema aktar qed jinteresshom fuq is-salarju ta’ wħud minn dawn il-ħaddiema, li ma jaqbiżx id-€900 fix-xahar.

Il-UĦM Voice of the Workers ukoll ħarġet direttivi simili għall-membri tagħha, li fosthom hemm ukoll id-Deputati Reġistraturi ta’ Maġistrati. L-azzjoni industrijali kienet ordnata minn żewġ trejdunjins ukoll dwar ir-rikonoxximent tagħhom fil-Qrati qabel ma jiskadi l-ftehim kollettiv attwali fl-aħħar tas-sena.

Fi stqarrija, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti li tmexxi l-Qrati, qalet li bħalissa qed tiffaċċja tilwima industrijali dwar ir-rappreżentanza ta’ wħud mill-ħaddiema tagħha minn żewġ trade unions: il-General Workers Union u l-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers.

Ħafna mill-ħaddiema tal-Aġenzija tal-Qorti ilhom jilmentaw minn salarji baxxi u huwa għalhekk li dan l-aħħar ħafna qegħdin jirriżenjaw. Jidher li x-xogħol fil-Qorti baqa’ għaddej xorta waħda f’xi każijiet, anke jekk kienu differiti xi seduti ta’ xi Maġistrati. Numru oħra, imma, iddeċidew li jaħdmu kif jistgħu.

Fost id-direttivi, il-messaġġiera ġew ordnati biex ma jirrekordjawx seduti. Ingħatat ukoll ordni biex deputati u messaġġiera ma jagħmlux xogħol ma’ Maġistrati oħra sakemm tissolva l-kwistjoni. Il-ġimgħa l-oħra kienu ppjanati azzjonijiet industrijali fl-Aġenzija tal-Qorti imma ġew sospiżi.

It-tilwima ddur madwar deċiżjoni meħuda mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol li infurmat lill-GWU li t-talba tagħha għal rappreżentanza ma tistax tintlaqa’, peress li l-iskadenza għal tali talbiet kienet skadiet.

Skont il-liġi tat-trejdunjins, ir-rikonoxximent ma jistax jintalab fi żmien tliet xhur qabel jiskadi ftehim kollettiv. Il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Qorti tal-liġi skada fl-aħħar ta’ din is-sena. Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, qal li l-union kienet ressqet l-ewwel darba għal rikonoxximent f’Ottubru tal-2023.

“Għandna n-numri. Li qed ngħidu hu li għandna d-dritt li nitolbu rikonoxximent biex il-membri tagħna jkunu rappreżentati mill-union li għażlu,” huwa qal u żied li mingħajr rikonoxximent l-union ma tkunx tista’ tipparteċipa fin-negozjati għall-ftehim kollettiv li ġej.

Id-direttivi jinkludu li l-membri tal-GWU ma jissostitwixxux impjegati fuq leave jew sick leave, l-assistenti reġistraturi huma pprojbiti milli jibagħtu sostituti u ma jistgħux jieħdu post dawk id-deputati reġistraturi li jkunu fuq leave jew sick leave, u membri tal-GWU ma jitħallewx jirreġistraw seduti.

Il-UĦM ħarġet struzzjonijiet simili lill-membri tagħha. L-Aġenzija tal-Qorti qalet li hija impenjata li żżomm id-drittijiet tal-ħaddiema u “tappella lill-partijiet kollha involuti biex jirrikonoxxu r-rwol essenzjali li għandha l-Qorti fis-soċjetà tagħna, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-partijiet kollha involuti

Ftit qabel is-sajf li għadda, il-midja kienet ukoll irrappurtat li kienu se jittieħdu xi azzjonijiet iżda l-GWU kienet ċaħdet li hemm il-ħsieb jew xi pjan ta’ azzjoni industrijali. Anke l-avukat Jason Azzopardi kien qal li se jsir strajk u diversi sorsi tal-Qorti kkonfermaw li l-ħaddiema kienu qed jiġu mħeġġa biex iħejju għal azzjoni bħal din, u li l-kwistjoni kienet iċċentrata fuq il-paga.

L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, dakinhar ma ġietx infurmata b’ebda pjan bħal dan, u kienet sostniet li ma kien hemm l-ebda kwistjonijiet li hija tqis li setgħu jiġġustifikaw xi azzjoni industrijali f’dan l-istadju. Innota li l-ftehim kollettiv eżistenti kien validu sal-aħħar tas-sena u li n-negozjati dwar is-sostituzzjoni tiegħu se jibdew “fiż-żmien opportun.”

Jidher li issa li wasal li jiġi negozjat ftehim kollettiv ġdid, il-pagi mhumiex se jiċċaqilqu kif iridu l-unions b’ħafna mill-ħaddiema tal-Qorti iktar anzjużi biex ifittxu impieg ieħor sabiex jgħollu l-livell tal-għajxien tagħhom. Meta l-midja ħabbret li hemm il-ħsieb ta’ strajk fil-Qorti, il-GWU qalet li r-rappurtaġġ kien “qarrieqi.”