Lokali

Il-Kunsilliera tal-PN fil-Qala jixtiequ li z-zona ta’ rikreazzjoni fi Ġnien il-Familja tibqa’ f’idejn il-kunsill

B’referenza għall-istqarrija li ħarġu riċentament disa’ NGOs rigward it-tliet pitches tal-boċċi li ser jsiru minflok zona ta’ rikreazzjoni fi Ġnien il-Familja, filwaqt li naqblu ma’ dak li talbu dawn l-għaqdiet ambjentali, nixtiequ niċċaraw li aħna ż-żewġ Kunsilliera f’minoranza vvutajna kontra li din l-art ma tibqax f’idejn il-Kunsill biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru tliet pitches tal-boċċi, u dan għamilnieh għal dawn ir-raġunijiet:

  1. Dan hu l-uniku spazju miftuħ li għandu f’idejh il-Kunsill li jista’ jservi wkoll bħala picnic area u li jkun jista’ jitgawda mill-familji Qalin.
  2. Sas-sena 2011, ġa kien hemm pitch tal-boċċi fl-istess Ġnien il-Familja, li rari kien jiġi ffrekwentat.
  3. F’din iz-zona hemm madwar 100 siġra indiġena li ħafna minnhom jekk isir dan il-proġett ser ikollhom jinqalgħu. Dawn is-siġar uħud minnhom illum maturi u kienu ġew imħawlin 13-il sena ilu mit-tfal u minn residenti Qalin, u kienu ġew personalizzati.
  4. Ma nistgħux nifhmu għala hemm bżonn tliet pitches tal-boċċi li wieħed minnhom ser ikun ta’ daqs Olimpiku.

Filwaqt li naqblu bis-sħiħ u tlabna għal darb’oħra biex din iz-zona tiġi mtejba u rriġenerata, u biex ikun hemm manutenzjoni kontinwa fiha, ma naħsbux li dan hu l-mod li bih dan għandu jsir.

Mhux biss ikkritikajna iżda tajna soluzzjoni. Kif diġá għamilna, biex nappoġġjaw lil dan l-isports tradizzjonali, ipproponejna lill-Kunsill biex tintuża z-zona fejn hemm il-platform li fuqha kien hemm il-pannelli solari biex fuqha jsir pitch wieħed tal-boċċi biex b’hekk l-ebda zona li għandha valur ekoloġiku ma tiġi mittiefsa. Sfortunatament, din il-proposta ma sabitx l-appoġġ tal-kumplament tal-Kunsill.

Minkejja dan, ser nibqgħu kommessi li nipprotegu l-ambjent naturali ta’ raħalna kollu, inkluż dak fi Ġnien il-Familja biex din iz-zona tibqa’ sservi ta’ spazju miftuħ ta’ rikreazzjoni għar-residenti Qalin.