Internazzjonali

Iżrael: Netanyahu jħabbar waqfien mill-ġlied mal-Ħeżbollah wara ġimgħat ta’ dmija

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li Iżrael qabel li jkun hemm waqfien mill-ġlied mal-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah, u issa mistenni li l-ostilitajiet fil-Libanu jonqsu sew anki matul is-sigħat li ġejjin.

Kollox kien qed jindika qabel li l-ftehim kellu jintlaħaq u minkejja li Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettaq attakki ġodda fuq is-subborgi ta’ Bejrut lejn in-Nofsinar. Intant, l-aħbar ta’ Netanyahu ntlaqgħet tajjeb wara ġimgħat konsekuttivi ta’ battalji bejn il-qawwiet ta’ pajjiżu u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah.

Fl-ewwel kummenti wara li ħabbar il-waqfien mill-ġlied, Netanyahu qal li l-Armata tiegħu kisbet suċċessi kbar kontra l-Ħeżbollah, tant li dan il-grupp ta’ milizji – alleat kbir tal-Iran – tilef il-kapaċitajiet militari li jista’ jkollu jistenna s-snin biex jirkuprahom. Disfatti li fihom il-Ħeżbollah tilfu anki numru ta’ kmandanti ewlenin fosthom Hassan Nasrallah, li kien dam ħafna snin fit-tmexxija tal-grupp.

Il-ftehim, qabel, kien diskuss mill-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljan u meta mistenni li jibqa’ effettiv għal 60 ġurnata.

It-truppi Iżraeljani invadew it-territorji tal-Libanu kważi xahrejn ilu b’reazzjoni għall-isparaturi kontinwi tal-missili mill-Ħeżbollah fuq l-ibliet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Intant, il-ftehim potenzjali għandu jesiġi għall-irtirar gradwali tas-suldati u t-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani mil-Libanu u bil-milizji tal-Ħeżbollah jirtiraw minn mal-fruntiera ta’ Iżrael.

Madankollu, kwalunkwe waqfien mill-ġlied fil-Libanu m’għandux jaffettwa direttament il-gwerra li l-qawwiet Iżraeljani qed imexxu kontra t-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza. Gwerra li ilha għaddejja mindu dawn it-terroristi wettqu l-attakki storiċi fuq il-poplu ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru tal-2023 u li fiha nqatlu ‘l fuq minn 44,000 Palestinjan.

Sadanittant, il-Ministru Lebaniż għall-Affarijiet Barranin, Abdallah Bou Habib, waqt laqgħa tal-G7 (il-Grupp tas-Seba’ l-Aktar Pajjiżi Industrijalizzati) fl-Italja, qal li l-poplu Lebaniż qed jgħix ġranet katastrofiċi, bil-pajjiż sħiħ jinsab ipparalizzat mill-effetti tal-gwerra.

Il-Ministru, għan-nom tal-Gvern Lebaniż, awgura li jsiru aktar taħditiet konkreti li ‘jipprovdu darba għal dejjem soluzzjoni għall-problemi antiki relatati mal-inkwiet kontinwu mal-fruntiera komuni bejn il-Libanu u Iżrael.’

Mhux eskluż li ladarba t-truppi Iżraeljani jirtiraw min-Nofsinar tal-Libanu posthom jeħduh it-truppi tal-Armata Lebaniża fi żmien tlett xhur. Maħsub ukoll li l-Ħeżbollah, skont il-kriterji tal-ftehim, għandhom itemmu l-preżenza armata fl-eqreb 30 kilometru ta’ art Lebaniża għall-fruntiera ta’ Iżrael.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz, qal li pajjiżu se jinsisti biex in-Nazzjonijiet Uniti tinforza b’mod effettiv il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied filwaqt li taddotta politika ta’ ‘zero tolleranza’ għal kulmin jikser il-kundizzjoinjiet tal-ftehim.

L-aħħar rapporti dwar l-azzjonijiet militari ġodda ta’ Iżrael fuq in-nofsinar ta’ Bejrut qalu li l-ajruplani tal-gwerra kienu laqtu talanqas sitt ‘ċentri u bażijiet’ tal-Ħeżbollah.

Mifhum ukoll li s-siti attakkati kienu jinkludu l-faċilitajiet u ‘missile unit’ li l-milizji Lebaniżi qed jużaw biex jattakkaw il-bastimenti ta’ Iżrael ‘il hinn mil-Libanu – bir-rokots tal-ajruplani jolqtu wkoll l-infrastruttura addizzjonali fiz-zona ta’ Dahieh, li hi fortizza tal-Ħeżbollah.