Lokali Parlament

Il-Parlament isellem lil Ġużi Spiteri, missier id-deputat Stephen Spiteri

Ritratt: Martin Agius


Il-Parlament illejla sellem lil Ġużi Spiteri, missier id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri li kien deskritt bħala raġel tal-familja, umli u li kellu prinċipji sodi li tant kien jemmen fihom.

Fit-tifkria, li għaliha attendew il-familjari ta’ Ġużi Spiteri, tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Viċi Prim Ministru Ian Borg, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-deputati Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u Stephen Spiteri.

Il-Viċi Prim Ministru Ian Borg qal li Ġużi Spiteri kien ħaddiem tat-Tarzna li kellu l-familja għal qalbu. Hu kien iħobb ħafna l-Kottonera u l-Kalkara u devot tas-Sagra Familja.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-ammont kbir ta’ nies li kien hemm għall-funeral ta’ Ġużi Sptieri turi r-rispett kbir li kien igawdi dan ir-raġel fil-komunità tal-Kalkara.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Joseph Spiteri kien bniedem disponibbli li jħobb lin-nies u kien jara kif jaqdi lil kulħadd f’kull ċirkostanza; l-istess kif inhu d-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri u ħuh.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Ġużi u Joyce Spiteri rabbew familja b’tant għożża u kienu kburin meta binhom sar tabib u allura laħaq l-iskop tiegħu. Ġużi u Joyce rabbew il-familja tagħhom bl-akbar għożża tagħhom u kienu inseparabbli. Ġużi kellu wkoll is-Sagra Familja bħala familja oħra li issa qed jaraha mill-viċin, sostna Bernard Grech.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li hu kien jaf lil Ġużi Spiteri u qal li Ġużi kien raġel ta’ ġenerazzjoni b’saħħitha fl-ideal. Ġużi kien persuna li bata fil-ħajja, kien dirett, ġenwin u skjett waqt li kien ukoll ċajtier. Carm Mifsud Bonnici qal li Ġużi Spiteri kien raġel tal-knisja u għalih il-familja kienet importanti ħafna. Ġużi Spiteri kien bniedem li miegħu n-nies setgħu jiftħu qalbhom għaliex kien raġel ġenwin.

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li missieru kien twieled f’familja kbria li kellha d-diffikultajiet biex tgħix. Hu sostna li missieru kien iħobb ħafna l-festa tas-Sagra Familja u r-regatta, u għamel iktar minn 40 sena jaħdem it-tarzna.

Kien jgħallimni kemm hu kburi li tkun Malti meta kien jaħdem fuq il-vapuri. Għallimni nibżgħu għal dak li għandha, sostna Stephen Spiteri, li qal li missieru kien isegwi l-politika u kien sod fil-prinċipji tiegħu anki jekk ikun hemm min ikun kontrih.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li missieru kien dilettant tal-għalqa u spjega kif mingħand missieru kien tgħallem kemm hu importanti li l-ħajja ma tkunx xogħol biss. Stephen Sptieri qal li minkejja l-kura li missieru kien qed jingħata, misieru kien twieled u miet il-Kalkara; il-lokal li tant kien iħobb.