Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista għadu jsegwi s-sitwazzjoni fl-MCAST

Ritratt: Martin Agius
Il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u l-aktar li qed ibatu huma l-istudenti

Il-Partit Nazzjonalista għadu jsegwi s-sitwazzjoni inkwetanti fl-MCAST, hekk kif sal-lum, il-Ftehim Kollettiv għadu ma ġiex konkluż wara kważi tliet snin għax il-Gvern qed jibqa’ jixxaħħaħ mal-letturi u mal-istudenti tal-Kulleġġ.

Il-Partit Nazzjonalista kkommetta ruħu li jibqa’ jsewgi mill-qrib din is-sitwazzjoni u għalhekk, jagħraf l-importanza li jitkellem f’isem l-istudenti, il-letturi u l-gradi kollha milquta minn dan in-nuqqas ta’ qbil fuq il-Ftehim Kollettiv. Hu għalkollox inkwetanti li dan qed ikollu impatt negattiv fuq l-istudenti u l-letturi għax il-futur tagħhom għadu inċert u dubjuż.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-MCAST f’Raħal Ġdid, ix-Shadow Ministers Justin Schembri, Ivan Castillo u Bernice Bonello fissru kif it-talbiet tal-letturi u tal-gradi milquta hekk kif ippreżentati mill-MUT għadhom mhumiex jingħataw biżżejjed kunsiderazzjoni, u l-Ftehim Kollettiv għadu ’l bogħod milli jkun konkluż, anke jekk irrikonoxxa li t-taħditiet bejn iż-żewġ partijiet għadhom għaddejjin. Dan kollu qiegħed ukoll jippreġudika serjament l-esperjenza edukattiva tal-eluf ta’ żgħażagħ fl-MCAST li mhumiex jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt, filwaqt li qiegħed ukoll ikompli jnissel sens akbar ta’ frustrazzjoni, ansjetà u dubju dwar il-futur.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-MUT ma kellhiex għażla ħlief li tkompli bl-azzjonijiet industrijali biex tieħu dak li jidhrilha li hu ġustifikat għall-membri tagħha, li għall-Gvern mhumiex stmati daqs dawk fl-Università. Kaġun ta’ dawn l-azzjonijiet industrijali, l-istudenti jinsabu f’sitwazzjoni li fiha mhumiex jingħataw l-assignments, mhumiex jingħataw feedback u mhumiex jingħataw iċ-ċans jikkomunikaw mal-letturi tagħhom. Fosthom hemm dawk li jinsabu fl-aħħar sena u qed jaħdmu fuq it-teżijiet, kif ukoll dawk li qed jagħmlu l-‘work placements’.

Kien spjegat kif dan in-nuqqas ta’ qbil fost il-letturi, li għandhom id-dritt jiġġieldu għal dak li hu dovut lilhom permezz tal-union li tirrappreżentahom, qed jasal fid-dawl ta’ snin ta’ negozjati li fihom il-Gvern baqa’ ma sabx is-soluzzjonijiet meħtieġa biex l-MCAST ma jinqabadx ostaġġ ta’ tattiċi diversi tal-Gvern biex itawwal u jġebbed il-konklużjoni tal-Ftehim Kollettiv.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Gvern, fil-bidu ta’ din is-sena akkademika, anke hedded lill-MUT b’azzjonijiet ta’ riferiment quddiem it-Tribunal Industrijali li mbagħad irtirahom meta fehem ir-riperkussjonijiet serji li din id-deċiżjoni se ġġib magħha. Appella għal djalogu aktar miftuħ, aktar trasparenti u aktar unilaterali biex is-sitwazzjoni twassal għal ftehim immedjat biex l-MCAST jkun jista’ jibda jiffoka fuq is-servizz edukattiv li suppost li joffri.

Minn numru ta’ laqgħat li l-Partit Nazzjonalista għamel mal-istudenti, joħroġ b’mod ċar li l-istudenti qed iħossuhom minsija għax ma jafux x’se jsir mill-korsijiet rispettivi tagħhom, jekk hux se jagħmlu l-eżamijiet, jekk hux se jingħataw it-titli għall-assignments, jekk hux se jingħataw feedback għat-teżijiet u jekk hux se jkollhom jibqgħu bl-Administrative Passes li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-grad finali u għall-warrants. Il-Partit Nazzjonalista qal li dan qed iħalli lil ħafna studenti inkwetati għax l-interess tagħhom hu li jimxu ’il quddiem u javvanzaw fit-traġitt edukattiv tagħhom.

Indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Kunsill Studenti MCAST Yansen Cassar li saħaq li minbarra li l-edukaturi qed jitħallew imdendla, l-situdenti qed ikomplu jbatu direttament minħabba dan it-tkaxkir tas-saqajn. L-istudent żagħżugħ qal li sal-lum l-istudenti qed jibqgħu jitħallew fid-dlam dwar dak li se jiġri mill-edukazzjoni tagħhom.