Lokali Unjoni Ewropea

Il-PN se jospita l-Kumitat tar-Reġjuni tal-EPP

Fil-bidu ta’ Diċembru, fid-Dar Centrali tal-PN se ssir konferenza tal-Kumitat tar-Reġjuni – avveniment ieħor ta’ livell għoli mill-Partit Popolari Ewropew.

It-temi ewlenin għal din il-konferenza se jkunu l-kwalità tat-turiżmu u t-trasport sostenibbli li huma żewġ suġġetti ferm kritiċi għal Malta – u li l-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwarhom għal diversi xhur.

Id-deċiżjoni li din il-konferenza ssir f’Malta qed tkompli turi l-fiduċja tal-Partit Popolari Ewropew fil-Partit Nazzjonalista, bħala forza politika b’saħħitha u b’viżjoni ċara għal pajjiżna.

F’kummenti ma’ Net News is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea spjega x’se jkun qed jiġri matul din il-konferenza kif ukoll l-opportunitajiet li se toffri lill-Partit Nazzjonalista.

Għall-Kumitat tar-Reġjuni tal-EPP se jipparteċipaw ‘il fuq minn 70 mexxej lokali u reġjonali tal-Partit Popolari Ewropew minn madwar l-Ewropa kollha, inkluż Sindki u Presidenti tar-Reġjuni.

Fost il-kelliema se jkun hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kif ukoll numru ta’ rappreżentanti mill-industrija.

Matul dan l-avveniment se tiġi adottata dikjarazzjoni li mistennija tistabilixxi l-viżjoni tal-grupp dwar turiżmu ta’ kwalità u trasport sostenibbli.

Il-Kumitat tar-Reġjuni se ssir bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.