Lokali Parlament

Il-poplu se jirbaħ żgur; protesta oħra quddiem il-Parlament nhar it-Tnejn li ġej


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-poplu se jingħaqad u jirbaħ din il-ġlieda politika li għandu quddiemu u ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej se ssir protesta oħra quddiem il-Parlament.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Bernard Gerch qal li llum il-poplu reġa’ għamel rebħa oħra meta rriżenja jew tneħħa Clayton Bartolo u kompla li issa kulħadd qed jifhem li meta l-poplu jingħaqad u jinżel fil-pjazez ma jista’ jirbaħlu ħadd.

Il-poplu ngħata raġun; liema raġun il-gvern kien ilu tliet ġimgħat jipprova jitmejjel bil-poplu u ma jridx jagħtih. Dalgħodu kellu jitlaq il-Ministru Clayton Bartolo għax tliet ġimgħat ilu l-Kummissarju tal-Istandards sab lil Clayton Bartolo ħati li wettaq ksur tal-etika. Il-PN kien qal li Clayton Bartolo nstab ħati ta’ frodi bi flus tal-poplu; din il-kelma m’għoġbithomx.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern jaħsel anki l-ħażen u jrid iġibu nadif. Għalhekk meta l-Kummissarju sab li Clayton Bartolo wettaq frodi, Clayton Bartolo kellu jitlaq minnufih iżda ma telaqx għax qal li jekk għamel ħażin, kien se jitlob skuża.

Bernard Grech qal li l-Prim Ministru ddefendihom lil Bartolo u lil Camilleri u qal li l-iskuża hi biżżejjed iżda l-PN baqa’ jinsisti li mhux biss jitħallsu s-€70,000 lura iżda li Clayton Bartolo kellu jirriżenja jew jitkeċċa. Il-Prim Ministru baqa’ jddefendih, sostna Bernard Grech, li kompla li issa Clayton Bartolo kellu jċedi għall-pressjoni u jitlaq.

Bernard Grech qal li l-Prim Ministru kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu fosthom mill-poplu u Clayton Bartolo spiċċa telaq minn Ministru tat-Turiżmu. Hu kompla li l-poplu wettaq rebħa kontra min ħaseb li l-flus tal-poplu huma flusu u li ħaseb li jista’ jieħu flus il-poplu u jagħmel li jrid bihom; ta’ min ħaseb li għax rebaħ l-elezzjoni ġenerali d-dnub se jinħafer u jintesa.

Tliet ġimgħat ilu l-Kummissarju sab ukoll li l-Ministru Clint Camilleri wkoll kiser l-etika tal-ministri u li wettaq frodi bi flus il-poplu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Clint Camilleri għadu hemm għax għadu ma baxxiex rasu għall-poplu u sostna li l-pożizzjoni ta’ Clint Camilleri wkoll mhijiex tenibbli. Il-Prim Ministru hu dgħajjef u għandu problemi kbar interni, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-Prim Ministru hu traditur tal-poplu għal darb’oħra għax jibqa’ jiddefendi l-frodi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ d-diversi każi ta’ frodi fosthom tal-ID cards, taċ-ċitazzjonijiet tal-karozzi; tal-eżamijiet; tal-liċenzji tal-karozzi; tal-benefiċċji soċjali; tal-użu ta’ flus pubbliċi għal interessi personali; taċ-ċerifikati tal-mard; tad-djar soċjali; tal-kuntratt ta’ Rosianne Cutajar; tal-isptarijiet; u issa tal-każ ta’ Clayton Bartolo.

Hu qal li jekk irriżenja Clayton Bartolo, għandu jirriżenja iktar Clint Camilleri li kien hu li ta dan l-impjieg fantażma lil Amanda Muscat.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern għandu l-kuxjenza li jisraq il-miljuni u l-eluf minn diversi setturi. Dan il-gvern seraq lill-poplu, lill-vulnerabbli u lill-familji li jkollhom bżonn is-servizzi.

Robert Abela jagħżel lill-kriminali u lill-frodisti u jarmi lill-poplu, sostna Bernard Grech, li kompla li l-poplu jħoss li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd iżda fil-pajjiż m’hawnx ġustizzja għaliex dan hu gvern li tilef ir-ruħ soċjali, li seraq lill-poplu u li tħanżer waqt li tilef kull valur soċjali li kellu.

Il-gvern qiegħed hemm biss biex jipproteġi lil tal-qalba; biex dawn ikomplu jitħanżru u jieklu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-gvern hu frodist; sangisugi u ħalliel tal-poplu… ma fadallu ebda pulzier imħabba lejn il-poplu għax iħobb biss lilu nnifsu, sostna Bernard Grech, li kompla li l-poplu fadallu x’jirbaħ meta l-poplu jiġi flimkien u jingħaqad.

Wasal iż-żmien li l-poplu jgħid lill-gvern li ma jistax jibqa’ sejjer hekk; Clint Camilleri jrid jibqa’ jimpika mal-poplu u l-Prim Ministru hu bla saħħa u ħallieh hemm. Għalhekk li it-Tnejn li ġej il-poplu se jerġa’ jingħaqad quddiem il-Parlament filgħaxija biex juri lill-gvern li poplu magħqud ma jista’ jirbaħlu ħadd. Dan il-poplu se jirbaħ żgur, sostna Bernard Grech.