Kummerċ Lokali

Imnedija l-kampanja tal-Black Friday

Il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji nediet il-kampanja tagħha marbuta mal-Black Friday – il-ġurnata li fiha ħafna stabbilimenti u ħwienet joffru roħs u offerti favorevoli, qabel jibda uffiċjalment ix-xiri ta’ żmien il-Milied.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ic-Chamber of SMEs qalet li dan il-perijodu huwa krucjali għan-negozji f’pajjiżna. U ħeġġet lill-ħwienet biex jesponu l-offerti li għandhom fuq il-platform online illi l-Kamra tal-SMEs ħolqot apposta.

Il-Black Friday giet imfissra bħala ġurnata li hija sinifikanti kemm għan-negozji u anke għall-konsumaturi.

Sa issa, aktar minn 100 negozju daħlu fl-inizjattiva taċ-Chamber of SMEs għall-Black Friday – negozji li jirrapreżentaw 15-il settur differenti.

Intqal ukoll illi uħud mill-offerti jlaħħqu mas-70% roħs.

Il-ġurnata tal-Black Friday taf l-oriġini tagħha fis-snin 50, u bdiet fl-Istati Uniti. Għalkemm fl-Ewropa, dan il-kunċett żviluppa fl-aħħar 10 snin.