Internazzjonali

Ir-Russja: Diplomatiku Britanniku mkeċċi fost l-akkużi dwar spjunaġġ

L-awtoritajiet f’Moska keċċew diplomatiku tar-Renju Unit li r-Russja akkużatu dwar spjunaġġ – u bil-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin jibgħat għall-Ambaxxatur Britanniku residenti fil-kapitali Russa. Dan ukoll waqt li l-Foreign Office f’Londra qed tkun aġġornata bl-iżviluppi.

Ir-rapporti qalu li s-servizzi FSB tas-sigurtà (Russi)  akkużaw lid-diplomatiku, li ma ssemmiex b’ismu, b’li provda informazzjoni falza relatta mad-dokumenti tiegħu. Akkużi aktar serji huma relatati għall-ispjunaġġ u allegati ‘attivitajiet ta’ sabutaġġ’ u meta mistenni li d-diplomatiku se jitlaq mir-Russja mill-aktar fis.

Id-diplomatiku kien ħa l-post ta’ diplomatiku ieħor Britanniku li wkoll kien spiċċa mkeċċi mir-Russja fost akkużi dwar spjunaġġ

Intant, l-iżviluppi qed iseħħu fi żmien meta r-relazzjonijiet bejn Moska u Londra huma viċin ‘stat ta’ gwerra’ minħabba li r-Renju Unit ilu s-snin jibgħat l-armamenti lill-Ukrajna biex tirreżisti l-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.