Lokali Parlament

Jeħtieġ appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid


Graziella Attard Previ, PN


Ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ; sostniet fil-Parlament li l-vittmi tal-vjolenza domestika jeħtieġ appoġġ biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid billi jkun hemm skemi li jgħinuhom isibu djar fejn jgħixu biex joħorġu mill-post fejn ikunu abbużati.

Graziella Attard Previ qalet li post diċenti fejn wieħed jgħix jfisser dinjità għall-persuni, iżda fl-2024 il-gvern jitkellem bis-slogans bombastiċi waqt li hawn mijiet ta’ nies bla saqaf fuq rashom. Dan hu l-legat ta’ Gvern Laburista li suppost hu viċin iż-żgħir u l-batut iżda l-pjan ekonomiku wassal biex il-pajjiż imtela’ bil-bini waqt li l-persuni bla dar żdiedu.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern ma jistax jitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja quddiem din is-sitwazzjoni u kompliet li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza qed twassal biex persuni li jixtru l-passaporti qed jixkru l-proprjetà flok il-Maltin.

Graziella Attard Previ qalet li numru ta’ appartamenti qed jinkrew għal numru kbir ta’ barranin bil-konsegwenza li żgħażagħ Maltin li jixtiequ jikru appartamenti jew persuni oħra bi sfidi soċjali, ma jaffordjawx li jikru. Dan għaliex il-gvern ma kellux pjan, anzi kien hu li ħoloq il-problemi f’dan is-settur.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li kwart tal-persuni li jgħixu f’shelters huma vittmi tal-vjolenza domestika li fil-maġġoranza huma nisa bit-tfal. Jirriżulta li hemm 34 tifel u tifla li jgħixu f’dawn ix-shelters li jilqgħu f ihom persuni b’dawn il-problemi waqt li hemm 36 tifel u tifla li jgħixu f’homeless shelters.

Graziella Attard Previ qalet li fil-budget m’hemmx inċentivi biex il-vittmi ta’ vjolenza domestika jitilqu mid-djar li fihom ikunu abbużati.

Hi kompliet li l-gvern mhux joffri biżżejjed lil dawn il-vittmi li qed ikollhom jiddependu mill-ġenerożità ta’ ħaddieħor. Il-vittmi tal-vjolenza domestika lanqas biss jafu b’xi skemi jekk dawn jeżistu. Jeħtieġ li dawn il-vittmi jkollhom skemi li jaġevolawhom biex jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.

Graziella Attard Previ kompliet li din hi d-dinjità u l-istabbiltà li dawn il-vittmi tal-vjolenza domestika tant jistħoqqilhom. Il-PN iwiegħed li jagħti l-appoġġ lil dawn il-vittmi, sostniet id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.