Lokali Parlament

L-Expo swiet €1.5 miljun mhux €70,000 kif qal il-Prim Ministru


Claudette Buttugieg, PN

Jirriżulta li n-nefqa totali tal-Expo 2024 kienet €1.5 miljun u mhux kważi €700,000 kif ipprova jbellaħilna l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.


Dan sostnietu Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg meta kienet qed titkellem fil-parlament.


Claudette Buttugieg qalet li l-Artiklu 41 taċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea tistabillixi li ċ-ċittadini kollha għandhom Dritt għall-Amministrazzjoni Tajba. Dan jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju u l-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.


Marbut ma’ dawn hemm ukoll id-dritt u l-obbligu ta’ kumpens f’każijiet ta’ nuqqas ta’ amministrazzjoni pubblika tajba. Fuq dan id-dritt għall-amministrazzjoni tajba, tkellem diversi drabi l-Ombudsman ta’ dan il-Parlament, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit Mc Keon.


HI qalet li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qed jagħmlu ħafna xogħol impekkabbli u metikoluż. Xhieda ta’ dan huma d-diversi rapporti li joħorġu mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u li numru minnhom jiġu diskussi wkoll fil-Kumitat tal-Kontijiet.


L-Ombudsman qed jgħid li dan id-dritt m’għandux jibqa’ biss parti minn dokument, dritt fuq il-karta imma li għandna ndaħħlu dan id-dritt fil-liġijiet ta’ Malta. Kull min qed jieħu deċiżjonijiet amministrattivi għandu jixtarr sew x’qed jgħid l-Ombudsman, li hu bbażat fuq dak id-dritt fundamentali li tagħtina l-Unjoni Ewropea.

M’għandniex naspiraw biss, jew nixtiequ li jkollna amministrazzjoni tajba f’pajjiżna, imma għandu jkun hemm il-qafas legali biex dan iseħħ illum qabel għada u f’kull dipartiment, entita’ pubblika jew Ministeru. B’hekk biss nistgħu npoġġu lil kull ċittadin fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u mhux lil-politiku, il-Ministri, il-Prim Ministru jew – kif smajna dan l-aħħar – … l-ideoloġija! sostniet Claudette Buttigieg.


Hi kompliet li hija frustranti għall-Ombudsman u għall-Kummissarji tal-Ambjent, is-Saħħa u l-Edukazzjoni li jħossu li qed jiġu injorati mill-parlament u allura kumitat parlamentari jkun jista’ jixtarr in-numru, dejjem jikber ta’ każijiet, ippreżentati lil dan il-parlament, fejn mhijiex tittieħed azzjoni li twassal għal-rimedju ta’ inġustizzja.


Il-membri parlamentari tal-PN jifhmu din il-frustrazzjoni għax hekk qed iseħħ bil-mistoqsijiet parlamentari. Biex tinġabar l-informazzjoni li qed ifittxu , bi dritt u f’isem il-poplu, saret qisha treasure hunt.

Hi semmiet kif fil-11 ta’ Ġunju 2024 għamlet mistoqsija fuq kemm ġiet tiswa l-Public Service Expo 2024 li saret bejn il-15 u d-19 ta’ Mejju 2024. Ir-risposta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet li l-ispiża kienet ta’ €680,840.38


Il-mistoqsija ma’ kienetx ‘Kemm nefaq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru’ fl-Expo, imma ‘kemm ġiet tiswa.’
Mistoqsija oħra marbuta fuq jekk kienx hemm sejħiet pubbliċi jew direct orders, ma ġietx imwieġba! L-aħħar tweġiba tkun ‘fejn jidħol il-qasam artistiku s-suppliers jintgħażlu fuq kriterji artistiċi, eċċ’; , tidwir mal-lewża biex ma’ jwiġbux però bħala ġustifikazzjoni l-gvern sostna li ‘55,000 persuna żaru l-Expo.’

Claudette Buttigieg qalet li għamlet l-istess mistoqsijiet lil kull Ministru u Segretarju Parlamentari biex sar magħruf kemm kull ministeru nefaqfl-Expo 2024.

Imma biex tasal għal din l-informazzjoni kellha tagħmel 31 mistoqsija parlamentari!


Jirriżulta li n-nefqa totali tal-Expo 2024 kienet €1,531,05 u mhux kważi €700,000 kif ipprova jbellaħilna l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ovvjament li dettalji fuq direct orders, tenders, eċċ, ma ngħatwx mingħajrhom!

Din hija nefqa fuq attività pubblika, minn flus il-poplu u mhux xogħol li ma sarx b’paga ta’ konsulenza li tinkludi Expertise Allowance. Għax jekk taħbi fuq dak li hu pubbliku u ovvju, min jaf x’qed tagħmel fuq affarijiet oħra.

Issa lis-Segretarji Permanenti, lid-Diretturi u persuni f’kariga għolja fiċ-Ċivil u fis-Servizz Pubbliku nfakkarhom li għandhom jixtarru sew ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards u jixtarru wkoll dak li qalu s’issa ż-żewġ Ministri mdaħħlin f’din il-basla u dak li qal il-Prim Ministru f’dawn l-aħħar ġranet, sostniet id-deputat Nazzjonalista.

Issa l-Prim Ministru u l-Ministri qed jarmu lill-Kapijiet tas-Segretarjat tagħhom; persuni li huma stess għażlu għax għandhom fiduċja fihom … Aħseb u w’ara x’jagħmlu lilkhom li taħdmu fiċ-Ċivil?, sostniet Claudette Buttigieg.

Id-dokumentazzjoni annessa mar-Rapport tal-Kummissarju tal-Istandards tindika li dak kollu li għamlu l-Ministri fil-każ ta’ Amanda Muscat, għamluh bil-barka, anzi bil-firma dokumentata tas-Segretarji Permanenti tal-Ministeri rispettivi tagħhom

Hi sostniet li ma rridux ninsew li l-istess rapport juri li kollox sar bl-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dan l-aħħar saru sejħiet pubbliċi fejn il-kriterji tal-għażla, fosthom il-kwalifiċi meħtieġa, meta mqabbla ma’ sejħiet simili li saru ftit xhur ilu, qed jitbaxxew. Nispera li mhux qed tinħema xi storja oħra bħal ta’ Amanda Muscat, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li fis-servizz pubbliku kollu hemm rabja u sens ta’ frustrazzjoni għax hemm min leħaq fejn leħaq għax jiġi minn xi Ministru. Dan ta’ Amanda Muscat, m’huwiex każ iżolat, miegħu hemm it-€13,000 fix-xahar ta’ Sai Mizzi u każijiet oħra.

Claudette Buttugieg qalet li r-responsabbiltà fl-Amministrazzjoni Pubblika hija waħda kbira u sensittiva u sostniet li l-ministri issa mhux jiddefendu lil nieshom stess.