Il-President-elett tal-Istati Uniti,Donald Trump, jinsab lest biex jintroduċi politika ekonomika mill-aktar kontroversjali – u inkwetanti—ladarba hu jieħu r-riedni uffiċjalment ta’ pajjiżu fl-20 ta’ Jannar li ġej.
Dan meta hu qed jaħseb biex jintroduċi t-tariffi ekwivalenti għal 25 fil-mija fir-rigward tal-prodotti li jidħlu pajjiżu mill-Kanada u l-Messiku – u b’din id-direttiva se tkun infurzata sa mill-ewwel jum tal-Presidenza ġdida.
L-esperti ekonomiċi jaqblu li direttiva bħal din anki se tħalli effetti u implikazzjonijiet fuq livell globali, fost il-kritika għal politika ekonomika ‘bla viżjoni’ u li tinkludi ‘element qawwi ta’ egoiżmu’ li ma jissarraf fl-ebda ġid.
Xejn anqas kontroversjali hu l-kumment ta’ Trump li għandu jżid tariffa addizzjonali ta’ għaxra fil-mija fuq il-prodotti taċ-Ċina li jidħlu fl-Istati Uniti…Dan meta l-importazzjoni miċ-Ċina lejn pajjiżu hi diġà suġġetta għat-tariffi.
It-tariffi huma taxxa li jridu jitħallsu fuq il-prodotti li jkunu trasportati minn pajjiż għall-ieħor. It-taxxa trid titħallas mill-kumpannija li timporta l-prodotti u mhux mill-kumpannija barranija li tesportahom.
Fl-istess ħin, Trump qed jidher determinat li jiftaħ ‘it-Tieni Parti tal-Gwerra tat-Tariffi maċ-Ċina’ li kienet fattur tal-ewwel mandat tal-Presidenza għal dan il-kandidat Repubblikan bejn Jannar tal-2017 u l-2021.
Donald Trump, issa, qed jgħid li t-tariffi imposti minn pajjiżu huma ‘tweġiba għad-droga li qed titmexxa mill-fruntieri tan-nofsinar u t-tramuntana tal-Istati Uniti, kif ukoll għall-kriminalità li infiltrat lill-Istati Amerikani’.
Min-naħa tagħha, iċ-Ċina tinsab urtata għall-politika tat-tariffi li fissritha bħala ‘ossessjoni ta’ Trump’. Dan filwaqt li l-kelliema għall-Gvern ta’ Beijing fissru wkoll din il-po0litika bħala waħda ‘irresponsabbli’.
Twissija oħra minn Beijing kienet li din il-politika tat-tariffi għandha tiswa ta’ ħsara lill-partijiet ikkonċernati u li l-ebda pajjiż – jew kumpannija – mhuma se joħorġu rebbiħin minn gwerra kummerċjali.
Iċ-Ċina esprimiet il-ħsieb li l-Istati Uniti u ċ-Ċina għandhom igawdu minn kooperazzjoni ekonomika u minn kooperazzjoni f’aspetti kummerċjali li jħarsu l-interessi ta’ xulxin, iżda din il-kooperazzjoni – fi kliem Beijing — saret dejjem aktar diffiċli fis-snin riċenti.
Il-pjani ta’ Trump qed joħolqu wkoll l-inkwiet fil-Kanada, b’Doug Ford – li jmexxi lill-provinċja ta’ Ontario – iwissi li tariffi ekwivalenti għal 25 fil-mija imposti mill-Istati Uniti għandhom ikunu devastanti għall-ħaddiema u l-impjiegi tagħhom.
Fl-istess ħin, messaġġ pjuttost sarkastiku ħareġ mis-Senat tal-Messiku…Messaġġ li jtenni li l-President Amerikan-elett għandu jistinka aktar biex jaċċerta li ħafna fost il-poplu tiegħu ma jkunux daqstant dipendenti fuq id-droga.
//= $special ?>