Lokali

“La Robert Abela mhux kapaċi, se jerġa’ jkun il-poplu Malti li jagħti direzzjoni ġdida lil pajjiżna” – PN

Ritratt: Martin Agius

Ma kellniex nistennew sal-lum biex Clayton Bartolo jitneħħa; issa bħalu jrid jitlaq ukoll Clint Camilleri

Ma kellniex għalfejn nistennew sal-lum biex Clayton Bartolo jirriżenja u issa Robert Abela ma fadallux aktar x’jagħmel ħlief li jneħħi wkoll lil Clint Camilleri.

Dak li seħħ fl-aħħar 24 siegħa juri kemm dan hu verament Gvern ta’ frodi biss u frodi spiss.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li ma kellhomx jinżlu n-nies fit-toroq, u ma kellniex għalfejn nistennew il-kundanna ta’ ħafna għaqdiet studenteski u tas-soċjetà ċivili għall-aġir ta’ żewġ Ministri biex Robert Abela jagħmel dak li hu mistenni minnu bħala Prim Ministru.

Dan kien biss każ ieħor minn numru ta’ każijiet li dgħajfu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż serju fejn wieħed jista’ jinvesti.

Dan, qal il-Viċi Kap tal-PN, hu jum ta’ diqa għal pajjiżna li jrid ifakkarna kemm hu meħtieġ li naħdmu għal dak li hu tajjeb għal pajjiżna. Irridu nsaħħu l-ħidma tagħna għal governanza tajba u għal ġustizzja li hija ndaqs għal kulħadd.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino qal li dan hu Gvern fi kriżi mitluf fis-serq u l-frodi li qed iwettqu l-Ministri tiegħu minflok fuq it-tmexxija tal-pajjiż.

Robert Abela fl-aħħar jiem baqa’ joħroġ għonqu u jiddefendi lil Clayton Bartolo u lil Clint Camilleri, u jidher ċar li issa kellu jċedi u jwarrab lil Bartolo biss għax ħarġu dettalji dwar frodi oħra. Jidher ċar ukoll li sakemm jista’ se jibqa’ jiddefendi l-frodi mwettqa minn Clint Camilleri meta ta impjieg fantażma lil mart Clayton Bartolo.

Illum kellna prova oħra ċara ta’ frodi biss, frodi spiss, fejn filgħodu l-poplu qam jitkellem fuq frodi u sa waranofsinhar kien diġà qed jitkellem fuq skandlu ieħor ġdid ta’ frodi.

Michael Piccinino qal li la Robert Abela mhux kapaċi jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi l-bidla li għatxan għaliha, se jkun il-poplu stess li se jbiddel id-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż.