Internazzjonali

Lejn l-approvazzjoni tal-Kummissarji Ewropej

It-Tlieta filgħodu ssoktaw id-dibattiti fil-Kamra għall-Konferenzi tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn għal sagħtejn sħaħ rappreżentanti tal-partiti politiċi wieġbu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti rigward x’jista’ jimpatta l-vot importanti tal-Erbgħa – vot li ser jikkonferma l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida għall-erba’ snin li ġejjin. 

L-Erbgħa filgħodu ser jiġu ppubblikati l-ittri ta’ evalwazzjoni maħruġa mill-kumitati tal-partiti varji Ewropej fuq kull Kummissarju Ewropew – fosthom, dak nominat minn Malta, Glenn Micallef. Kull partit ser ikun qiegħed jevalwa jekk il-Kummissarju rispettiv hux kompatibbli li jservi bħala Kummissarju u jekk hux kapaċi jmexxi s-settur inkarigat lilu. 

Fid-9am, imbagħad, mistennija tibda l-plenarja fejn il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tiftaħ l-istess sessjoni. Ikun f’dak il-ħin li tippreżenta lill-President tal-Kummissjoni Ursula Von Der Leyen. 

Hekk kif Von Der Leyen tippreżenta l-pjan għall-erba’ snin li ġejjin, minnufih jissoktaw il-mistoqsijiet tal-mexxeja tal-partiti politiċi. Dan hekk kif mistennija jqajmu bosta issues, bl-akbar skrutinju mistenni jiġi mil-lemin estrem u mill-MEPs tax-xellug.