Malta għandha l-ogħla rata ta’ rappurtar ta’ vjolenza domestika u bbażata fuq is-sess fl-UE skont ċifri tal-Eurostat li juru wkoll li waħda minn kull erba’ nisa esperjenzaw xi forma ta’ abbuż minn sieħeb intimu. Id-data ġiet żvelata fi stħarriġ, li sar bejn l-2020 u l-2024 mill-Eurostat, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).
Dan ir-rapport jippreżenta, għall-ewwel darba, riżultati ewlenin magħżula tal-istħarriġ tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru bbażat fuq data mis-27 Stat Membru kollha. Madwar l-UE, 114,023 mara ġew intervistati dwar l-esperjenzi tagħhom. Ftit aktar minn 3,000 mara ġew intervistati f’Malta.
Id-data wriet li kważi terz tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fid-dar, fuq ix-xogħol tagħhom, jew fil-pubbliku, Madankollu, waħda biss minn kull erbgħa minn dawk in-nisa jirrappurtaw inċidenti vjolenti lill-awtoritajiet.
Fejn tidħol Malta, ir-riżultati wrew li 24.4% tan-nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali tul ħajjithom meta mqabbla mal-medja ta’ 30.7% tal-UE. Minn 24.4% – 13% esperjenzaw vjolenza fiżika jew theddid (mhux sesswali), u 11% esperjenzaw vjolenza sesswali.
Ħarsa lejn ix-xejriet ta’ rappurtar uriet li Malta kellha l-ogħla rata ta’ rappurtar b’mod ġenerali bi 48.2% tan-nisa jirrappurtaw lil servizz tas-saħħa jew soċjali, servizz ta’ appoġġ jew Pulizija. Ħareġ li 33.7% rrappurtaw lis-servizzi tas-saħħa jew soċjali;18% lil servizz ta’ appoġġ; u 31.5% lill-Pulizija.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ rappurtar lil “nies mill-qrib”, Malta kklassifika fit-tielet post b’76% u preċeduta kienet il-Polonja (81.5%) u l-Greċja (82.9%). U f’wieħed minn erba’ każijiet, l-awturi kienu sħab intimi.
Id-data wriet li 26% tan-nisa mistħarrġa esperjenzaw abbuż psikoloġiku, fiżiku jew sesswali minn sieħeb intimu (UE 31.8%), b’14.5% (UE 17.7%) esperjenzaw abbuż fiżiku jew sesswali (mhux psikoloġiku) minn sieħeb intimu.
F’dan il-każ, Malta kklassifika wkoll fil-quċċata tat-tendenzi ta’ rappurtar bi 58% jirrappurtaw lil servizz tas-saħħa jew soċjali, servizz ta’ appoġġ jew pulizija. Fejn ġew għan-nisa li esperjenzaw abbuż sesswali matul it-tfulija, 63.6% fil-mija rrappurtaw l-abbuż Iżda fil-każ tal-maġġoranza l-kbira – 62.9% – ir-rapport ma kienx uffiċjali.
Id-dejta wriet ukoll, meta mistoqsijin jekk esperjenzawx abbuż mill-età ta’ 15-il sena, 7.8% qalu li kienu abbużati fiżikament, 4.3% irrappurtaw vjolenza sesswali u 3% stupru. Il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol kien esperjenzat minn 27% tan-nisa f’Malta (UE 30.8%). Minn dawn, 30% ressqu rapport uffiċjali filwaqt li 65.7% rrappurtaw b’mod mhux uffiċjali lil kollega jew persuna mill-qrib.
//= $special ?>