Mara ddeċidiet waqt kawża li fiha żewġha kien qed jiġi mixli li heddidha, li qiesu qatt ma kien xejn u rtirat kollox. Kien hawn li l-Qorti tal-Maġistrati ordnat li jieqfu l-proċeduri fil-konfront ta’ raġel ta’ 48 sena minn Naxxar wara li martu xehdet li kien qed jiddispjaċiha li rrapportatu.
Ir-raġel tressaq fil-Qorti mixli li hedded u insulta lil martu wara argument jaħraq dwar xi membri tal-familja f’għeluq sninha. Meta l-vittma tkellmet mal-Pulizija allegat ukoll li f’Marzu tas-sena l-oħra, żewġha ħebb għaliha u kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Meta sarilha risk assessment irriżulta li l-mara kienet tinsab f’periklu sever iżda l-Pulizija spjegat li dan ir-riżultat seħħ minħabba li r-raġel għandu arma tan-nar li għaliha għandu wkoll liċenzja. Matul il-kawża, il-vittma qamet minn postha, ressqet lejn l-ispettur u qaltlu li trid twaqqaf il-proċeduri kontra żewġha.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ordnalha tispjega taħt ġurament fejn qalet li ddispjaċiha li għamlet rapport kontra żewġha u li ħadd ma sfurzaha tirtira l-akkużi kontrih.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ordnat li jieqfu l-proċeduri kontra żewġha.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon waqt li għall-akkużat deher l-Avukat Raphael Fenech Adami.
//= $special ?>