Clint Zammit ta’ 35 sena minn Ħal Qormi ġie kkundannat sena ħabs wara li nstab ħati li seraq vann minn Ħal Għaxaq, sakemm sidu daħal fl-għalqa biex iħott u jgħabbi xi frott u ħxejjex.
Il-Maġistrat Nadine Sant Lia semgħet kif is-serqa kienet irrappurtata fil-11 ta’ Settembru tal-2019 fl-Għassa taż-Żejtun minn sid il-vann, li qal li kien xtara l-vann għas-somma ta’ €7,000. Mill-provi ħareġ li Zammit kien biegħu għall-iscrap u tiegħu rċieva ħlas ta’ €160.
Huwa qal li kif ħalla l-vann Toyota Hilux ipparkjat fi Triq Valletta, daħal fl-għalqa biex jgħabbi xi ħaxix u dulliegħ. Meta mar lura sab li l-vann ma kienx għadu hemm, kif ukoll iċ-ċwievet li kellu mdendlin fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ħajt.
L-għada stess il-bidwi qal lill-Pulizija li xi nies kienu qalulu li l-vann tiegħu aktarx kien insteraq minn raġel magħruf bil-laqam ‘il-Bomber. ‘ Jumejn wara, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li tinda u xi kaxxi tal-pitkalija li kien hemm fil-vann kienu nstabu l-Kalkara, u iktar tard skopriet li l-vann kien ġie offrut bħala ruttam (scrap) lil JAC Steel, iżda s-sid ma kienx aċċettah.
L-għada tas-serqa, il-vann kien inbiegħ għall-istess skop lil Ta’ Disma ,f’Ħal Luqa, fejn kien spiċċa tqatta’ mill-ewwel. Sid il-vann qal fil-Qorti li dan kien xtrah għal €7,000, u li wara s-serqa kellu jixtri ieħor għax ma kellux biex jaħdem. Sar jaf li l-vann kien tqatta’ għall-iscrap f’post li ma kellux liċenzja minn Transport Malta u mingħajr ma saru verifiki dwar min kien sidu.
Zammit ġie arrestat ħamest ijiem wara s-serqa, u mal-Pulizija ammetta li kien seraq il-vann biċ-ċavetta ġo fih. Minn filmati tas-sigurtà tal-iscrapyard, il-Pulizija rat il-vann jiddaħħal fil-bitħa u lil Zammit jirċievi s-somma ta’ €160. Ħaddiem tal-iscapyard qal fil-Qorti li huwa kien wiżen il-vann skont il-prassi biex joħroġ il-ħlas skont il-piż.
Minbarra li nstab ħati tas-serqa, Zammit li għandu problema tad-droga, instab ħati wkoll li huwa riċediv, fejn il-Qorti osservat li kellu xejn inqas minn 13-il kundanna, li jinkludu reati marbuta mal-abbuż u traffikar tad-droga, ksur tal-liġijiet tas-sewqan u serq.
Rigward il-piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-fedina penali tal-imputat li hija wahda ta’ portata voluminuza. L-imputat ingħata diversi opportunitajiet mill-Qrati biex jirriforma ruħu permezz ta’ ordnijiet ta’ probation, kif ukoll ingħata diversi sentenzi
Il-Qorti osservat li l-imputat, li għandu dipendenza fuq id-droga, minkejja li ngħata diversi opportunitajiet biex jirriforma ruħu, baqa’ jippersisti fil-ħajja ta’ kriminalità, u minkejja li kien qed jagħmel programm residenzjali, dan ħareġ minnu qabel ma temmu. Huwa kien għalhekk ikkundannat sena ħabs u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri.
//= $special ?>