Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkawża l-mewt ta’ Ben Laferla f’ħabta fil-Madliena

Żvizzeru ta’ 22 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li ammetta akkuża ta’ qtil involontarju taż-żagħżugħ Ben Laferla (ritratt), u weġġgħet gravi żagħżugħa oħra f’inċident tat-traffiku fis-Swieqi. L-inċident fatali kien seħħ f’Settembru 2022 meta karozza li fiha kien hemm erba’ żgħażagħ ħabtet f’ħajt fi Triq il-Madliena.

Laferla kien tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei jiem wara l-inċident filwaqt li tfajla miċ-Ċilì ġarrbet feriti gravi u l-akkużat, Maxime Asacha Muehlematter, ġarrab feriti ħfief. Fil-Qorti, ħareġ kif tfajla ta’ 17-il sena, li kienet fil-karozza, qalet lill-Pulizija li hi kienet qed issuq il-karozza involuta fl-inċident iżda wara, ammettiet li qalet hekk għax kienet taħt xokk qawwi u li fil-verità, l-għarus tagħha, Muehlematter, kien qed isuq il-karozza.

Fil-Qorti nstemgħet xhieda xokkanti fejn missier u iben li kienu għaddejin mis-Swieqi ftit tal-ħin wara li karozza tal-kiri daħlet f’ħajt u ħalliet għal mejjet lil Ben Laferla ta’ 21 sena, qalu fil-Qorti kif dak il-lejl semgħu ħafna għajjat u storbju qabel ma ndunaw b’dak li kien għadu kif seħħ. L-inċident kien seħħ fl-24 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu,

Maxime Asacha Muehlematter li dakinhar kien qed isuq il-karozza, kien qed jiġi akkużat bil-qtil involontarju ta’ Laferla u li kkaġuna ġrieħi gravi lit-tfajla tal-vittma, Ċilena, żagħżugħa ta’ 20 sena. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet semgħet lir-raġel jixhed, li qal li joqgħod il-Madliena, u li dakinhar kien qed isuq fi Triq il-Madliena, fejn seħħ l-inċident fatali, għall-ħabta tas-1am.

Tenna li kien għaddej mill-post u miegħu kien hemm martu, binhom u żewġ Ingliżi. Qal li f’ħin minnhom ra parti minn bumper u niżel jittawwal. Kien minnufih li sema’ ħafna għajjat u mill-ewwel ċempel għall-ambulanza li qalulu li t-tobba tal-emerġenza kienu diġà jinsabu fi triqithom.

Qal li l-akkużat kien taħt xokk qawwi u li ma qalx kelma, filwaqt li tfajla minnhom bdiet tgħajjat biex ma jmutx. Kompla jgħid li l-vittma ma kienx qed jieħu nifs u li b’hekk ipprova jgħinu bis-CPR għax kien għamel kors tal-ewwel għajnuna. Qal ukoll li familtu pprovdiet is-silġ lil waħda mit-tfajliet li weġġgħet spallitha fl-inċident.

Wara li ta d-depożizzjoni tiegħu, iben ix-xhud qal li kien jaf kemm lill-vittma kif ukoll lill-akkużat għax ġieli ltaqgħu f’ħanut tax-xorb snin ilu u ġieli ċċettjaw fuq il-midja soċjali. Tenna wkoll, li ra persuna li kien joqgħod fl-inħawi li tefa’ mal-ġenb tat-triq b’torch f’idu.

Mis-seduti ħareġ li l-karozza ma kinitx qed tinstaq mit-tfaja taħt l-età kif kien ingħad fi stqarrija maħruħa mill-Pulizija, iżda mill-akkużat. Kien irriżulta wkoll li uffiċjal tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Korp tal-Pulizija, kienet sabet żewġt ifliexken tax-xorb fil-vettura u li kienu kważi vojta.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qieset l-ammissjoni ta’ Muehlematter u l-kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet investigattivi. Iżda fl-istess ħin, innotat li ma tistax tara dawn ir-reati b’mod leġġer, speċjalment peress li s-sewqan ta’ vettura fih innifsu jirrikjedi grad konsiderevoli ta’ attenzjoni kostanti u anke l-iċken distrazzjoni jista’ jkollha riżultati fatali kif inhu dan il-każ.

Hija sostniet li l-piena trid tirrifletti s-serjetà u s-severità tal-każ, madankollu, terminu ta’ priġunerija effettiva ma kienx rakkomandabbli minħabba s-sitwazzjoni tal-akkużat. Il-Qorti, fid-dawl tal-piena ta’ ħati, sabet lir-raġel ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Muehlematter ġie skwalifikat milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sena mill-jum tas-sentenza. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €5,397.96 fi drittijiet tal-Qorti.

L-Ispettur Jean Paul Attard mexxa l-prosekuzzjoni. Francois Dalli ken avukat difensur. L-Avukati Mark Mifsud Cutajar u Maria Azzopardi dehru parte civile.