Internazzjonali

Eletta l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida bi 370 vot favur

Il-Kummissjoni Ewropea tiġi eletta bi 370 vot favur u 282 kontra.

Dan hekk kif ftit tal-ħin ilu 688 MEPs preżenti vvutaw għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. B’hekk il-ħidma tal-Kummissjoni tibda minnufih b’27 Kummissarju ġdid, fosthom dak Malti Glen Micallef. Dawn il-Kummissarji kollha għandhom abbinat magħhom setturi varji x’jieħdu ħsieb.

Madanakollu, il-Kummissjoni din id-darba ġiet eletta b’inqas voti minn ħames snin ilu. Dan għal bosta raġunijiet varji hekk kif ix-xellug u l-lemin estrem ivvutaw kontra b’akbar numri. Minn naħa tagħhom, il-Partiti tax-xellug saħqu li din hija Kummissjoni li xxaqleb wisq lejn il-lemin, filwaqt li saru kompromessi politiċi li ma kellhomx isiru, dan apparti li opponew bis-saħħa n-nominazzjoni tal-Kummissarju Fitto nominat mill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni.

Min-naħa l-oħra, peró l-lemin estrem kienu kontra n-nominazzjoni tal-Kummissarju Spanjola Teresa Ribera minħabba l-politika xellugija tagħha u l-involviment fit-Trattat tal-Klima ta’ Pariġi.