Waħda mit-tlielaq l-aktar ta’ sfida fil-kalendarju tar-Royal Malta Yacht Club hija ż-Zhik Double Handed Figure 8 Race.
Din it-tellieqa, li ssir kull sena lejn l-aħħar ta’ Novembru, toffri sfida għall-ħiliet ta’ ħafna baħħara esperti, mhux biss għax l-ekwipaġġ hu magħmul minn tnjen min-nies biss, iżda wkoll għax il-kundizzjonijiet tat-temp f’dan il-perjodu tas-sena spiss ikunu kkaratterizzati minn riħ qawwi kif ukoll imbatt qawwi jew mewġ kbir.
Din is-sena, id-diviżjoni tal-IRC Racing Class rat parteċipazzjoni ta’ disa’ jottijiet filwaqt li tliet dgħajjes ikkompetew fil-klassi tal-RMYC Cruisers.
Taħt id-direzzjoni tar-Race Officer Martin Azzopardi, il-flotta ngħatat rotta ta’ 85 mil nawtiku li ħadithom lejn l-Aħrax tal-Mellieħa tul il-kosta tal-Lvant ta’ Malta, fejn għaddew mill-fliegu tan-Nofsinhar ta’ Kemmuna, daru ma’ Għawdex, u reġgħu lura tul il-kosta tal-Punent ta’ Malta sal-port ta’ Marsamett, f’kundizzjonijiet ta’ riħ qawwi li laħaq sa 27 mil nawtiku fis-siegħa mill-Majjistral.
L-ewwel li spiċċaw kienu Elusive 2, ta’ Aaron Podesta u David Anastasi, li mhux biss daħlu l-ewwel iżda rebħu wkoll fuq ħin korrett. Fit-tieni post kien hemm Calypso, ta’ Sebastian Ripard u Fabio Galea, filwaqt li t-tim mgħamul mill-missier u l-iben John Ripard Jnr u Tom Ripard, kisbu t-tielet post fuq Lazy Duck.
It-tellieqa kienet waħda mill-aktar diffiċli f’dawn l-aħħar snin.
Għalkemm il-klassi tal-RMYC Cruisers kienet iżgħar, xorta waħda kienet kompetittiva. Ir-rebbieħa tal-Klassi kienu David Pizzuto u Edward Gatt Florisia fuq il-jott Xpalidocious. Pizzuto iddeskriva t-tellieqa bħala opportunità tajba biex jittestjaw il-jott tagħhom.
Ir-Royal Malta Yacht Club esprima r-ringrazzjament tiegħu lil RLR Yachting, l-aġenti tad-ditta Zhik, għall-appoġġ kontinwu li ilu mogħti għal ħafna snin.
Is-serata tal-Għoti tal-Premjijiet se ssir illum l-Erbgħa 27 ta’ Novembru, fir-Royal Malta Yacht Club.
L-avveniment li jmiss fil-kalendarju tar-RMYC huwa r-Round Comino Race li se jsir nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru.
//= $special ?>