Sport

Fabio Spiteri jirbaħ il-ħames IZIBET Elite Athlete Award għas-sena 2024

Fabio Spiteri rebaħ il-ħames unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2024. Fabio Spiteri sar l-ewwel ultratriatleta Malti li lesta t-tiġrija DECA f’Garda, fl-Italja.

Id-DECA Ultra Triathlon tkopri distanza totali ta’ 2,260 kilometru li hija ekwivalenti għal 10 darbiet tiġrija tal-Ironman. L-atleti huma involuti f’għawma ta’ 38 kilometru, ġirja bir-rota ta’ 1,800 kilometru u ġirja ta’ 422 km, li din tal-aħħar hija ekwivalenti għal 10 tiġrijiet maratona.

Huwa ġie fis-sitt post minn ħdax-il parteċipant. Spiteri ddedika dan is-suċċess għall-memorja tal-mibki ħabib kbir tiegħu u triatleta Jake Vella kif ukoll b’risq il-Project 100 li bih qed jimmira li jiġbor €100,000 għax-xelters għall-annimali f’Malta.

Għall-preżentazzjoni kien hemm preżenti Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group; u Clinton Buhagiar, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.