Lokali

“Għandna konferma li dak li seħħ fl-aħħar ġranet kienu manuvri biex jippruvaw isalvaw lil Clint Camilleri” – Bernard Grech

Ritratt: Catriel Farrugia

“Għandna konferma li dak li seħħ fl-aħħar ġranet kienu manuvri biex jippruvaw isalvaw lill-Ministru Clint Camilleri.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa wara li fil-jum ta’ qabel Clayton Bartolo irriżenja minn Ministru – filwaqt li Clint Camilleri għadu qed jokkupa l-kariga tiegħu.

Matul il-konferenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fl-iżviluppi li seħħew fl-aħħar 3 ġimgħat meta propju ġie ppubblikat ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards; biż-żewġ Ministri nstabu ħatja li taw impjieg fantażma lill-mara ta’ Clayton Bartolo.

Bernard Grech fakkar kif fil-Kumitat Parlamentari tal-Istandards il-Partit Nazzjonalista għamel diversi talbiet; fosthom li Clint Camilleri u Clayton Bartolo jagħmlu apoloġija kif ukoll li Amanda Muscat tirritorna l-flus lura. Iżda meta n-naħa tal-Gvern ivvutat dawn baqgħu jiddefendu lill-Ministru Camilleri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li jum wara l-ieħor qed ikompli joħroġ biċ-ċar li dan huwa Gvern li għandu problemi interni kbar u li huwa Gvern ta’ frodi biss frodi spiss. Hawnhekk, huwa sostna li l-aġir tal-Gvern ta’ Robert Abela mhuwiex aċċettabbli għaliex dak li jgħodd għal Clayton Bartolo jgħodd ukoll għal Clint Camilleri.

Huwa fakkar li fir-rapport tal-Kummissarju ż-żewġ Ministri nstabu ħatja b’mod ugwali fuq l-istess materja filwaqt li saħaq li l-pożizzjoni ta’ Clint Camilleri m’għadiex tenibbli.

Kien għalhekk li appella lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex nhar it-Tnejn jattendi għall-protesta li se ssir fis-6:00 ta’ filgħaxija quddiem il-Parlament.

Il-Kap tal-PN saħaq li bil-preżenza tan-nies quddiem il-Parlament jista’ jitwassal messaġġ b’saħħtu li l-poplu huwa mxebba bl-aġir ta’ Robert Abela u li pajjiżna għandu bżonn bidla.