Graham Bencini, PN
Ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qal fil-parlament li l-governanza fiskali qed issir fuq il-poplu biss iżda mhux issir fuq il-gvern innifsu.
Graham Bencini qal li t-tnaqqis tat-taxxa u t-twessiegħ tat-tax bands kien tajjeb iżda t-tnaqqis tat-taxxa ma sarx biss taħt gvernijiet Laburisti għaliex kienu anki gvernijiet Nazzjonalisti li wettqu tnaqqis tat-taxxa. Hu sostna li fil-fatt, gvernijiet Nazzjonalisti naqqsu t-taxxi fl-2007, fl-2008, fl-2009, fl-2012 u fl-2013. Kien Gvern Nazzjonalista li naqqas it-taxxa minn 65% għal 35%, li kienet u hi l-ikbar tnaqqis tat-taxxa li qatt sar.
In-nies li jaqilgħu l-inqas issa jiffrankw €30 waqt li dawk li jaqilgħu l-iktar se jiffrankaw €50 fix-xahar. Skont l-estimi tal-budget, il-GDP se jiżdied minn €22 biljun għal €27 biljun sal-2027 iżda d-dejn tal-pajjiż se jitla’ sa €11-il biljun u jerġa’ jitla’ €13.5 biljun sal-2027. Dan ifisser li l-imgħax fuq dan id-dejn se jitla’ għal €390 miljun sal-2027; €1 miljun kuljum li l-poplu jrid iħallas.
Id-deputat Nazzjonalista qal li kemm id-dejn u l-imgħax iridu jitħallsu u staqsa għalxiex id-dejn sploda fl-aħħar ħames snin u se jkompli jikber sal-2027. Graham Bencini kompla li l-gvern qed jiddejjen biex isostni n-nefqa rikorrenti tal-gvern li mhijiex sostenibbli. Din in-nefqa rikorrenti se tiżdied b’€200 miljun fl-2025.
Hu tkellem dwar il-COLA u qal li minkejja r-rata tal-inflazzjoni niżlet għal 2.1% f’Settembru li għadda, din għadha ferm ogħla mir-rata medja ta’ 1.7% fiż-żona Ewro. Il-prezzijiet tal-ikel u l-kura tas-saħħa qed jiżdiedu u ħafna familji ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja.
Graham Bencini sostna li l-COLA qed tiġi intaxxata tant li qed tiddgħajjef b’mod sinifikanti. Hu ta dettalji dwar kif se jkunu intaxxati d-diversi kategoriji meta tinqata’ t-taxxa minn fuq il-COLA. Għalhekk il-PN ilu jappella lill-gvern biex ma jibqax jintaxxa l-COLA.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni dwar il-COLA fuq il-ħaddiema li għandhom ftehim kollettiv u qal li m’għandux ikun hemm żewġ klassijiet ta’ ħaddiema. Mal-PN jaqblu wkoll l-imsieħba soċjali, sostna Graham Bencini, li kompla li l-piż tal-COLA għal dawk fil-privat qed tinġarr minn dawk li qed iħallsu u mhux il-gvern. Din hi sfida għal dawn il-kumpaniji. Il-gvern għandu jgħin lill kumpaniji privati jlaħħaq mal-ispejjeż tal-COLA. Il-PN qed jipproponi li dawn jingħataw tax credits biex inaqqsu l-piżijiet finanzjarji.
Graham Bencini tkellem dwar is-sigurtà soċjali u qal li Gvern Laburista reġa’ għolla s-snin tal-kontribuzzjonijiet soċjali wara li dawn żdiedu fl-2016. Hu kompla li Gvern Nazzjonalista se jkun qed ineħħi din il-miżura.
Graham Bencini tkellem ukoll dwar il-mudell ekonomiku u qal li l-kwalità tal-ħajja tal-poplu marret lura sena wara sena. Dan tikkonfermah l-istatistika internazzjonali u indipendenti li jirriferu għall-indiċi ta’ kwalità f’kull sena. Fl-2015 Malta kienet fis-sitt post f’dan l-indiċi waqt li llum Malta tinsab fid-49 post.
Graham Bencini qal li fl-ambjent, Malta tinsab fost l-agħar żewġ pajjiżi fid-dinja li spjega kif hawn diversi problemi oħra fosthom fit-traffiku, fis-saħħa, fil-popolazzjoni li qed tikber fl-età u l-enerġija. Id-deputat Nazzjonalista qal li dan il-mudell ġab problemi kbar fl-ambjent.
Dwar l-inguwaljanza fid-dħul finanzjarju, Graham Bencini qal li qed tibqa’ tiżdied f’Malta waqt li fl-Ewropa din il-problema qed tikber kull sena. L-ikbar problema fil-pajjiż hi l-faqar fejn skont l-NSO wieħed minn ħames persuna f’Malta jinsab f’riskju ta’ faqar; dan jammonta għal 20% tal-popolazzjoni. Jirriżulta li hemm 22% minn dawn il-persuni li huma taħt it-18-il sena. Dan l-ammont jammonta għal 20,000 tifel u tifla qed jgħixu f’riskju ta’ faqar. Hemm 90,000 qed jgħixu b’inqas minn €900 fix-xahar. Hemm realtà oħra; dik tas-soup kitchens fejn is-sena li għaddiet il-Valletta Soup Kitchen qassmet 120,000 ikla u taw jieklu lil iktar minn 27,000 persuna.
Graham Bencini semma’ l-governanza fiskali u qal li din m’għandhiex issir fuq il-poplu biss iżda anki fuq il-gvern; iżda dan ma jsirx. Hu rrifera għal diversi każi ta’ infieq fuq proġetti tal-gvern f’Malta u Għawdex li ġew jiswew ħafna iktar minn kemm kien ippjanat.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministeru għal Għawdex rema’ €3 miljuni minn fondi pubbliċi fuq id-Dar għall-Anzjani, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru berbaq iktar minn €1 miljun fi propoganda, il-pixxina tal-Kottonera qabżet il-budget b’€6 miljuni, il-Mużew f’Għawdex qabeż il-budget bi €3 miljuni u l-patrol boat tal-FAM qabżet il-budget b’€14-il miljun. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali qabeż il-budget b’€60 miljun mill-ispiża oriġinali, il-proġett tal-kumpless tat-tennis f’Pembroke qabeż il-budget b’€1.6 miljun waqt li l-pixxina f’Għawdex qabżet il-budget b’€7 miljuni.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-iskandli tal-mara tal-ex Ministru Clayton Bartolo fosthom il-kick-backs ta’ €50,000 minn kuntratt tal-MTA li kien żvelat fl-aħħar ġranet. Il-pajjiż jeħtieġ bidla, sostna Graham Bencini, li qal li r-reputazzjoni tal-pajjiż u l-korruzzjoni għadhom ħżiena ħafna.
Graham Bencini sostna li l-Gvern rema’ l-viżjoni li qal li kellu tliet snin ilu biex issa qed jgħid li għandu viżjoni ġdida għal 25 sena oħra. Hu fakkar kif kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq la-qwa setturi ekonomiċi li llum huma l-pilastri ekonomiċi tal-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-pajjiż għandu bżonn lill-PN li jinsab lest li jagħti pajjiż ta’ kwalità lill-poplu.