Lokali Parlament

Il-ħolm bombastiku tal-Gvern Laburista falla l-Air Malta


Mario de Marco, PN


Ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco qal fil-parlament li l-ħolm bombastiku tal-Gvern Laburista falla l-Air Malta.


Mario de Marco tkellem fuq il-linja KM Malta Airlines li issa ilha topera seba’ xhur u staqsa x’inbidel tassew minn meta għalqet l-Air Malta u fetħet din il-linja tal-ajru ġdida.


It-tmexxija tal-KM Malta Airlines għadha l-istess tmexxija li kienet tmexxi l-Air Malta u li wasslu għall-falliment tagħhom.


Anki l-konsulenti llum appuntati għall-KM Malta Airlines huma l-istess li l-gvern kien qabbad biex jitfassal pjan biex il-gvern ikun jista’ jassisti lill-Air Malta; liema pjan tal-gvern u l-konsulenti kien falla għaliex il-Kummissjoni Ewropea ma kinitx approvat l-idea tal-gvern għall-Air Malta b’konsegwenza li l-Air Malta falliet taħt Gvern Laburista.


Il-PN hu favur li Malta jollha linja tal-ajru tagħha, sostna Mario de Marco, li kompla li l-ikbar żball kien meta l-Air Malta spiċċat għodda politika tal-Gvern Laburista.


Mario de Marco qal li Malta għandha bżonn linja nazzjonali għax hi gżira u għalhekk għandha bżonn sistema tajba ta’ konnettività. Anki s-servizzi finanzjarji u l-mediċina jiddependu mill-konnettività, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li wara l-2001 feġġ il-fenominu tal-low cost airlines. Malta kienet damet ftit sakemm ħaddmet dan il-mudell u kien effetti fuq in-numru ta’ turisti.


Malta kienet introduċiet il-low cost kontra x-xewqa tal-PL li kien fl-Oppożizzjoni fl-2007. Gvern Nazzjonalista kien ħoloq swieq ġodda permezz tal-low cost, qal Mario de Marco, li kompla li Gvern Nazzjonalista kien irreżista pressjonijiet kbar biex jiftaħ is-swieq għal pajjiżi minn fejn kienet toopera wkoll l-Air Malta.


Fl-2012/13 l-Air Malta kellha market share ta’ ftit inqas minn 50%, tul il-gvernijiet Laburista fl-2019 dan naqas għal 32%, fl-2023 niżel għal 26%, fl-2024 niżel għal 22% u għall-2025 se jinżel għal 21%.


Dan meta linja ta’ l-ajru low cost partikolari għandha market share li jilħaq il-50%. Jeħtieġ li jkun hemm attenzjoni kbira biex il-pajjiż ma jkunx jiddependi biss minn kumpanija li ma jkollha l-ebda skrupli ħlief dawn finanzjarji. Fl-2013, il-Gvern Laburista sab pjan approvat mill-Kummissjoni Ewropea iżda l-Gvern Laburista ma mexiex ma’ dak il-pjan; kieku għamel hekk l-Air Mata kienet issalva.


L-iżball kien li l-Gvern Laburista rema’ dak il-pjan finanzjarju u għamlu mill-Air Malta każin politiku u daħħlu nies biex jaqdu lil min riedu. Il-Gverrn Laburista kellu ħolm bombastiku li li wassal biex l-Air Malta ordnat żewġ ajruplani li joperaw fit-tul meta l-Air Malta ma kellhiex bżonnhom; dan wassal biex l-Air Malta falliet, sostna Malrio de Marco.