Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Inżul rekord ta’ borra għax-xahar ta’ Novembru

L-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel, irreġistra l-akbar inżul ta’ borra għax-xahar ta’ Novembru mindu bdew jinżammu r-rekords fl-1907 – jiġifieri aktar minn seklu ilu.

Il-kapitali Koreana, ilbieraħ, spiċċat koperta b’talanqas 16-il ċentimetru borra, bl-inżul jikser ir-rekord preċedenti ta’ kważi 13-il ċentimetru borra reġistrat fl-1972.

L-elementi tat-temp, sadanittant, qed jikkawżaw it-taqlib u diversi tipi ta’ inkonvenjent madwar il-pajjiż. Dan fost ir-rapporti dwar titjiriet posposti minbarra d-dawmien fit-tul għas-servizzi tat-trasport pubbliku, Ingħad ukoll li talanqas persuna tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku dovut għall-maltemp fil-limiti ta’ Seoul.

Mistenni li dawn l-elementi jkomplu sa tmiem il-ġimgħa, bil-kesħa kbira fil-pajjiż qed issegwi perjodu ta’ temp tal-ħarifa mfisser bħala ‘aktar ħanin mis-soltu’.