Internazzjonali

Il-Pakistan: Kwiet ‘temporanju’ f’Islamabad wara jiem konsekuttivi ta’ protesti politiċi

Il-partitarji tal-Oppożizzjoni fil-Pakistan ipposponew,temporanjament, il-protesti tal-aħħar jum fejn huma kienu ħarġu fit-toroq biex jinsistu għall-ħelsien mill-ħabs tal-eks Prim Ministru Pakistani, Imran Khan.

Intant, it-toroq f’Islamabad, il-kapitali tal-Pakistan, għadhom maħkumin mit-tensjoni wara li gruppi kbar ta’ dimostranti mmarċjaw lejn iċ-ċentru tal-belt fost l-inċidenti vjolenti mal-pulizija għal kontra l-irvellijiet.

Id-dimostranti kienu ħalfu biex ma jitilqux minn Islamabad qabel jaċċertaw mill-ħelsien ta’ Imran Khan – eks-stilla tal-cricket li ilu miżmum il-ħabs għal aktar minn sena fuq akkużi li, fi kliemu, huma infondati u intiżi biss għall-gwadann tal-avversarji politiċi tiegħu.

Filwaqt li d-dimostranti, nhar it-Tlieta,. għaddew mill-ostakli li għamlulhom il-pulizija. huma kellhom jirtiraw ladarba l-qawwiet għaz-zamma tal-liġi sparawlhom il-gass tad-dmugħ kontinwament..

Ir-rapporti issa konfermaw li waqt il-protesti – li kienu ilhom min-nhar il-Ħadd – mietu talanqas sitta, fil-parti kbira membri tal-qawwiet tas-sigurtà.

Il-partit politiku ta’ Imran Khan – il-Pakistan Tehreek-e-Insaf (PTI) – fl-aħħar sigħat tenna li l-protesti kellhom jibqgħu sospiżi ‘sakemm jinħarġu direttivi ġodda’.

Il-partit anki rrefera wkoll għall-‘brutalità min-naħa tal-qawwiet tal-Gvern’.

Is-sorsi viċin il-Gvern qalu, intant, li l-pulizija Pakistani arrestaw ‘il fuq minn 500 partitarju ta’ Imran Khan u li f’din is-sitwazzjoni ‘spiċċat fil-periklu’ anki l-mara tal-Ministru Pakistani responsabbli mill-Intern  li kellha tirriloka lejn zona ta’ sigurtà.

Il-Partit ta’ Khan, intant, qed jinsisti li numru ta’ ħaddiema msieħba fil-partit tilfu ħajjithom ‘taħt l-offensiva tal-pulizija’ u meta jrid li l-awtoritajiet kompetenti jiftħu investigazzjoni.

Sadanittant, is-sorsi indipendenti għad iridu jikkonfermaw li l-isptarijiet f’Islamabad qed jirċievu ċ-ċivili li sfaw midruba mit-tiri sparati lejhom — u bil-Ministeru Pakistani għall-Informazzjoni jinsisti li l-awtoritajiet fl-ebda ħin ma ħarġu d-direttivi biex il-pulizija tiftaħ in-nar għal fuq id-dimostranti f’Islamabad.

Il-kapitali Pakistana, sal-bieraħ, kienet għadha taħt lockdown, bil-qawwiet tas-sigurtà jibqgħu stazzjonati fl-aktar zoni strateġiċi ta’ din il-belt….Dan fost l-istennija għall-konfronti potenzjali mal-partitarji ta’ Imran Khan.

Fl-istess ħin, l-aħħar rapporti mill-Pakistan qalu li d-dimostranti kienu lesti xorta waħda biex iwieġbu għas-sejħa ta’ Imran Khan li, fost oħrajn, ħeġġiġhom biex ‘jiġġieldu sal-mewt’ sakemm jintlaħqu d-domandi tagħhom.