“L-edukazzjoni qiegħda tfallina.”
“Għaddew tliet snin u l-Gvern għadu ma laħaq ebda qbil mal-letturi.”
“Naħdmu u nistinkaw u qed nibqgħu mingħajr marki.”
Dawn kienu uħud mill-appelli li wasslu l-istudenti tal-MCAST waqt protesta li organizzaw l-Erbgħa filgħodu fil-Kulleġġ ta’ Raħal Ġdid hekk kif għaddew tliet snin mill-ftehim kollettiv tal-għalliema; u għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil.
Mijiet ta’ studenti nġabru fil-kampus tal-MCAST bil-għan li jsemmgħu leħinhom u jitkellmu dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw kaġun tat-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern.
Uħud mill-istudenti li ndirizzaw il-protesta qalu li l-Gvern qed jilgħab mal-futur tagħhom filwaqt li saħqu li l-letturi għandhom jieħdu dak kollu li jixirqilhom.
Matul il-jum saret protesta fl-MCAST tal-Mosta sabiex l-istudenti jkomplu jwasslu l-frustrazzjoni b’rabta mal-inċertezza li tħallew fiha fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Intant, fl-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista organizza numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet kif ukoll għamel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jintlaħaq qbil mal-letturi; bil-Partit Nazzjonalista jinsisti li se jkompli jkun il-leħen kemm tal-edukaturi kif ukoll tal-istudenti.
//= $special ?>