Lokali

L-iskandlu ta’ Clayton Bartolo: “Il-ħsara diġà saret”

Minkejja li Clayton Bartolo rriżenja minn Ministru, l-editur tal-MaltaToday fakkar kif il-ħsara diġà saret.

Fil-ħarġa tal-Erbgħa, l-editorjal għamel referenza għad-diskors ta’ Robert Abela fil-Parlament waqt l-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn deher biċ-ċar li kien qed jipprova jagħmel minn kollox biex iġiegħel lill-poplu Malti u Għawdxi jinsa dan il-każ.

Dan id-diskors kien meqjus bħala wieħed li jdur biss mal-finanzi; iżda nesa li t-taħwid ta’ Bartolo-Camilleri kien ukoll jikkonsisti f’serq mill-finanzi tal-pajjiż.

L-editur jgħid li l-ebda żieda jew tnaqqis f’xi taxxa mhuma se jkunu biżżejjed biex inessu l-paga li mart Clayton Bartolo, Amanda Muscat, ħadet għal xogħol li qatt ma wettqet.

Dan meta, tmur fejn tmur, sirna nisimgħu l-kelma ‘sorry’ u l-frażi ‘ovvjament, jien m’iniex it-tfajla tal-Ministru’ hekk kif il-pubbliku huwa mgħarraf sew kif din ħadet l-eluf ta’ ewro mit-taxxi tagħna stess.

U kien hawnhekk fejn insista biex kemm Abela u anke l-Partit Laburista jirrealizzaw kemm jista’ jkun malajr li dan l-iskandlu mhux se jkun qed jintesa daqslikieku qatt ma seħħ.

Dawn l-eluf li ngħataw lil persuna waħda tal-qalba setgħu marru biex isir investiment fl-isptarijiet Maltin u Għawdxi, faċilitajiet għas-saħħa mentali, dipartiment tal-emerġenza, u ħafna iktar. Iżda minflok dawn is-servizzi tħallew f’telqa assoluta.

Ir-riżenja ta’ Clayton Bartolo seħħet wara l-pressjoni kbira li saret minn naħa tal-Kap tal-PN Bernard Grech, u wara l-protesti tan-nies quddiem il-Parlament.

L-editur jagħlaq billi jgħid li r-riżenja tal-Eks Ministru mhix biżżejjed hekk kif Clint Camilleri jeħtieġ li jirriżenja wkoll filwaqt li investigazzjoni mill-Pulizija għandha tibda minnufih. Dan filwaqt li Abela u membri oħra tal-Labour għandhom jieqfu jiġġustifikaw u jipproteġu lil dawk li jabbużaw mill-poter tagħhom.

Il-MaltaToday saħqet li Robert Abela tilef kull kontroll tas-sitwazzjonijiet. U lanqas biss huwa kapaċi jżomm l-istess riga ma’ niesu stess.