Lokali Qorti

Multa ta’ €400 wara li waddab iċ-ċwievet fuq raġel u laqtu f’wiċċu

Anzjan ta’ 75 sena min-Nadur ġie mmultat €400 mill-Qorti ta’ Għawdex wara li nstab ħati li weġġa’ raġel ieħor meta waddablu sett ta’ ċwievet u laqtu f’wiċċu. Huwa nstab ħati li wettaq dan ir-reat fir-Rabat Għawdex, li wkoll insulenta u hedded raġel, weġġgħu ħafif u li kiser il-paċi pubblika.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, semgħet li l-Pulizija rċeviet rapport mingħand il-vittma li ġie aggredit u mhedded mill-akkużat. Il-vittma qal li kien mar fil-garaxx tal-akkużat biex ikellem lit-tifel tal-akkużat.

Qal li xħin sejjaħ lit-tifel, ħareġ l-akkużat u beda jgħajru. Il-vittma qal lill-Pulizija li biex ma tikbirx l-affari beda ħiereġ ’il barra, iżda l-akkużat tefa’ sett ċwievet li kellu f’idu u laqtu fi ġbinu. Qal li telaq u mar iċ-ċentru tas-saħħa u ġie ċċertifikat minn tabib li weġġa’ ħafif.

Mal-Pulizija, l-akkużat ammetta li kien għajjar lill-vittma ħalliel iżda ċaħad li tefagħlu ċ-ċwievet. Waqt li annalizzat il-provi, il-Qorti qalet li l-vittma kien konsistenti, kemm mal-Pulizija kif ukoll mal-Qorti, meta qal li l-akkużat għajru ħalliel u qallu kliem fis-sens li kien se jtajjarhielu, b’referenza għal ħajtu.

Qalet li l-vittma indika wkoll li l-akkużat beda jfittex oġġett biex imur għalih bih. Qalet li l-vittma kien konsistenti fix-xhieda tiegħu u għalhekk sabitu ħati li insulentah u heddu. Il-Qorti qalet ukoll li sabitu ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika u li weġġgħu ħafif.

Dwar il-feriti li sofra l-vittma, il-Qorti qalet li bla dubju dawn kienu kawża li l-imputat waddab iċ-ċwievet lejn il-vittma u laqtu. Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti osservat li għandha dubji kemm jista’ jingħad li ċ-ċwievet jistgħu jiġu kklasifikati bħala xi arma regolari jew strument li jaqta’. Għalhekk warrbet il-piena ta’ ħabs u kkundannatu multa ta’ €400. Ħarġet ukoll ordni ta’ sigurtà favur il vittma.