FinanceMalta għalqet b’mod uffiċjali r-reġistrazzjonijiet għas-17-il Konferenza Annwali tagħha wara li qabżet l-aspettattivi b’aktar minn 700 delegat ikkonfermati. Din il-parteċipazzjoni rekord tixhed il-fiduċja fil-ġurisdizzjoni tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta u l-impenn tal-partijiet interessati biex jiffurmaw il-futur tas-settur.
Il-konferenza se tilqa’ firxa ta’ parteċipanti minn Malta u barra minn Malta, inklużi dawk li jfasslu l-politika tal-Unjoni Ewropea, rappreżentanti tal-Gvern Malti, uffiċjali minn organizzazzjonijiet globali li jistabbilixxu standards, akkademiċi rinomati, riċerkaturi, u personalitajiet oħra ewlenin.
L-avveniment, li se jkun ippresedut minn Sorcha Hellyer, Fundatriċi ta’ Image Diplomacy & iD Creative Solutions u rappreżentanta uffiċjali għal BBC News, se jindirizza suġġetti kruċjali fl-industrija finanzjarja. Se jiffoka wkoll fuq oqsma innovattivi bħall-ekonomija blu u l-finanzjament tal-kiri ta’ inġenji tal-ajru, filwaqt li jindirizza kwistjonijiet attwali bħal nuqqas ta’ ħiliet u kif jista’ jissaħħaħ il-fiduċja fil-ġurisdizzjoni.
Fost il-kelliema ewlenin se jkunu rappreżentanti mill-Fond Monetarju Internazzjonali, Mastercard, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR), l-Unità tal-Analiżi tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIAU), il-Borża ta’ Malta (MSE), u l-Kunsill Konsultattiv għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSAC), fost oħrajn.
//= $special ?>