Futbol Sport

Analiżi – Tkompli t-taqtiegħa għall-ewwel post bir-rebħa ta’ Ħamrun fuq Birkirkara

(Ritratt: Joseph Galea)

L-OPINJONI

It-taqtiegħa għall-ewwel post fil-Kampjonat 360Sports Malta Premier kompliet tinfetaħ beraħ dan wara li Birkirkara sfaw megħluba miċ-Champions renjanti Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0. Jekk għall-Istripes din kienet it-tieni telfa konsekuttiva , għall-Ispartans waslet it-tieni rebħa konsekuttiva wara li qabel il-waqfa internazzjonali kienu għelbu lil Gżira United, logħba li wasslithom sabiex jiksbu post mal-ewwel sitta. Għall-Ispartans Mbong u Corbalan lura fl-ewwel ħdax flok Xerri u Camenzuli. Iżda donnu li xejn ma’ jista jigihom tajjeb dan l-istaġun għax minkejja r-rebħa kellhom l-isfortuna li jitilfu żewġ players oħra minħabba injury, Shaisen Attard u Roko Prsa. Finalment Ħamrun kienu l-aktar tim organizzat tattikament u ftit taw spazji lil Birkirkara li kien mistenni ħafna aktar minnhom hekk kif huma wettqu tlett bidliet mill-aħħar logħba b’Gaitan, Mbong u Yipke lura fil-formazzjoni ta’ Zinnari.

Il-plejer ta’ Ħamrun Spartans Raphael Lopes Silva bil-ballun f’saqajħ (Ritratt: Joseph Galea)

Floriana kisbu rebħa u tlett punti li bihom resqu aktar viċin il-leaders Birkirkara. Kellu jkun gowl drammatiku skurjat minn  Jake Grech fl-aħħar sekondi tal-partita’ li għamel id-differenza bejn dawn iż-żewġ timijiet. Konfermata wkoll is-saħħa ta’ Mosta li taw sfida denja lill-avversarji aktar ikkwotati minnhom. Iżda din kienet rebħa li sa ftit sekondi qabel setgħet issarfet f’telfa dan għaliex Mosta kellhom penalty mad-90 minuta li huma fallew. U pront irrispondew il-Greens bil-gowl tar-rebħa. B’hekk Floriana, wara r-rebħa kontra Birkirkara, żammew il-momentum u komplew iżidu aktar pressjoni fuq Birkirkara. Dan ir-riżultat kien ifisser ukoll double għal Floriana fuq Mosta wara li fl-ewwel rawnd kienu rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0.

Gowl kmieni skurjat minn Adam Magri Overend witta t-triq għal rebħa oħra Slimiża li bħalma kien il-każ ta’ Floriana approfittaw miż-żelqa ta’Birkirkara biex b’hekk resqu aktar viċin tagħhom. Kienet rebħa meritata għall-Blues li b’hekk kisbu r-raba’ rebħa mill-aħħar ħames logħbiet. Tlett punti important fejn issa jinsabu tlett punti biss taħt il-leaders Birkirkara. Mill-banda l-oħra Hibernians jibqgħu jżommu r-raba’ post tal-klassifika fejn f’din il-logħba ftit li xejn impressjonaw biex kompliet tirrenja l-inkonsistenza u n-nuqqas ta’ kontinwita fit-tim immexxi minn Branko Nisevic. Dan tal-aħħar wettaq erba’ bidliet mill-aħħar logħba nkluż fil-lasta b’Sanchez jibda flok Sacco.  Attard, Xuereb u Falcone bdew flok Kleiton, Kristensen u Bruno. Paul Zammit ukoll għamel xi bidliet żgħar mir-rebħa kontra Naxxar Lions b’Magri Overend u Jonata jieħdu post Attard u Plut.

Gżira United kisbu l-ewwel rebħa fil-Bottom Six hekk kif fl-ewwel logħba tar-ritorn tat-Taljan Giovanni Tedesco huma għelbu lil Żabbar SP bl-iskor ta’ 2-1. L-eroj tal-Maroons kien il-Brażiljan Gabriel Mentz li skorja żewġ penalties li bihom kiseb tlett punti ferm importanti. Kuntrast ma’ dak li seħħ matul il-ġimgħa hekk kif il-player internazzjonali Malti safa’ mkeċċi matul il-partita kontra Andorra mill-Uefa Nations League. Il-kowċ Tedesco bidel is-sistema ta’ logħob b’difiża ta’ erba’ fuq wara magħmula minn Dias, Pepe, Mentz u Espindola. Il-logħba rriżultat f’waħda diffiċli fejn wara li Gżira United ħadu vantaġġ doppju, lejn it-tmiem Żabbar daħlu mill-ġdid fil-logħba b’gowl ta’ Tavares biex ħallew ir-riżultat inċert sal-aħħar.

U f’konfront ieħor dirett fin-naħa t’isfel tal-klassifika, Marsaxlokk kisbu l-punti massimi dan wara li huma għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba bilanċjata fejn Marsaxlokk ħadu vantaġġ bikri b’auto gowl ta’ Triston Caruana. Il-player li f’nofs l-ewwel taqsima kiseb il-gowl tad-draw għal Balzan. Minn hawn il-quddiem ir-rebħa setgħet marret fuq kull naħa biex finalment is-saħħa offensive tax-Xlukkajri għamlet id-differenza hekk kif is-solitu Messias sab ix-xibka bil-gowl tar-rebħa. Dan kien riżultat diżappuntanti ieħor għal Balzan fejn minn l-aħħar ħames logħbiet huma kisbu punt wieħed biss. Mill-banda l-oħra għal M’Xlokk tkompli s-serje pożittiva tagħhom fejn mill-aħħar sitt logħbiet rebħu tlieta u ġew draw tlieta.

Awosanja jiċċelebra ma’ Caruana wara l-gowl tad-draw għal Balzan (Ritratt: Trevor Sollars)

Yuri Messias skorja l-gowl tar-rebħa kontra Balzan (Ritratt: Trevor Sollars)

Naxxar Lions bdew l-impenji tagħhom fil-Bottom Six tal-Opening Round b’rebħa konvinċenti kontra Melita bl-iskor ta’ 3-0. Kienet logħba ddominata mit-tim immexxi minn George Vella li wara li ħadu vantaġġ wara biss ħames minuti logħob, żiedu żewġ gowls oħra fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta biex kisbu tlett punti importanti. Din kienet it-tieni rebħa tal-istaġun għal-Lions li issa nqalgħu mill-post ta’ qabel tal-aħħar fejn għaddew lil Balzan. Dan ir-riżultat kien wieħed diżappuntanti għal Melita li huwa meqjus bħala t-tim revelazzjoni ta’ dan l-istaġun. Huma issa jridu jinsew kemm jista jkun malajr dan ir-riżultat u jħarsu lejn il-konfront li jmisshom kontra Marsaxlokk, tim li jinsab għaddej minn forma tajba ħafna.

INNUTAJNA

LI  Malta telgħet biex tilgħab kontra l-Lussemburgu fil-play offs għall-promozzjoni f’League C tal-Uefa Nations League. Logħbiet li ser jintlagħbu fl-aħħar ġranet ta’ Marzu, bit-tim nazzjonali Malti jibda bil-logħba home fis-26 tal-istess xahar u ħamest’ijiem wara jilgħab il-logħba ta’ ritorn.

LI  l-ewwel ġurnata tat-Top Six b’mod partikolari qajmet interess partikolari hekk kif issa ser jibda jkun hemm diversi konfronti diretti bejn it-timijiet. Aktar minn hekk il-vantaġġ li kellhom Birkirkara fuq Floriana naqas għal żewġ punti biss, u tlieta fuq Sliema Wanderers.

LI  l-gowl li skorja wara biss tlett minuti mill-partita kontra Hibernians kien l-ewwel wieħed li skorja għall-Blues il-player Adam Magri Overend mindu ngħaqad magħhom mingħand Floriana.